“Jiddispjaċini Ninnota Li Dawn L-Istess Attivisti Donnhom Iridu Jieħdu L-Monopolju Tal-Kelma” – Karl Stagno Navarra

 “Jiddispjaċini Ninnota Li Dawn L-Istess Attivisti Donnhom Iridu Jieħdu L-Monopolju Tal-Kelma” – Karl Stagno Navarra

Ftit tal-ħin ilu l-għaqda Occupy Justice fi stqarrija li ħarġu fuq il-mezzi soċjali tagħhom qalu li fil-programm ‘Pjazza’ tal-bieraħ, fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, preżentat minn Karl Stagno Navarra kien mimli attakki fil-konfront tagħhom u ta’ minn qed jipprotesta b’mod paċifiku quddiem il-Kwartieri tal-Pulizija.

Huma kkundannaw dan l-aġir fejn qalu li waqt il-programm televiżiv fil-preżenza wkoll tal-Ministru Miriam Dalli, Stagno Navarra “inċita mibegħda” kontra min qed jipprotesta waqt li kien qed juri filmat ta’ din l-istess protesta.

Occupy Justice qed tisħaq li l-Partit Laburista għandu jikkundanna d-diskors ta’ Karl Stagno Navarra filwaqt li l-Prim Ministru għandu jagħmel apoloġija.

Minn naħa l-oħra Karl Stagno Navarra f’post li kiteb fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal “xi dwejjaq ta’ nies!” meta kien qed jirreferi għal Repubblika u Occupy Justice.

Huwa kompla jgħid li “ħadu għalihom għax tkellimt dwar il-protesta barra d-Depot! Never a dull moment!” kompla jtenni Stagno Navarra.

F’reazzjoni li ħadna mingħand Karl Stagno Navarra dwar dan qalilna “jien eżerċitajt id-dritt tal-espressjoni, daqskemm għandhom l-istess dritt l-attivisti ta’ Repubblika u Occupy Justice.”

Huwa sostna li “qatt ma tkellimt kontra l-jedd tagħhom għal protesta, iżda jiddispjaċini ninnota li dawn l-istess attivisti donnhom iridu jieħdu l-monopolju tal-kelma…Sempliċiment għamilt eżerċizzju ta’ analiżi politika fuq filmat li xandart.” Huwa temm jgħid li “bħala ġurnalist, inħalli lin-nies jiġġudikaw.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com