Jitħabbru S-Sitt Dixxiplini Għal-Logħob Tal-Ispecial Olympics F’Malta F’Mejju 2022

 Jitħabbru S-Sitt Dixxiplini Għal-Logħob Tal-Ispecial Olympics F’Malta F’Mejju 2022

Kważi 200 ġurnata mill-bidu tal-logħob tal-Ispecial Olympics f’Malta, mart il-Prim Ministru u President ta’ Special Olympics Dr Lydia Abela ltaqgħet mal-coaches tal-atleti Maltin u ħabbret is-sitt dixxiplini li se jikkompetu fihom kważi 1,000 atleta minn aktar minn 25 pajjiż li f’nofs Mejju li ġej se jiġu Malta għall-akbar manifestazzjoni sportiva fl-2022.

Is-sitt dixxiplini huma l-football, l-atletika, bocce, tenpin bowling, table tennis u l-għawm. Il-logħob se jsir bejn it-13 u t-18 ta’ Mejju 2022 fil-Marsa, Tal-Qroqq u San Ġiljan.

“Il-coaches huma kruċjali fl-iżvilupp u t-taħriġ tal-atleti kollha speċjalment dawk li bħalkom jaħdmu ma’ tfal u zaghzagh bi bżonnijiet u sfidi partikolari. Id-dedikazzjoni, l-impenn u d-dixxiplina tagħkom qed tissarraf f’aktar inklużjoni u tisħiħ tal-abilitajiet tal-atleti,” qalet Dr Abela waqt laqgħa informali ma’ madwar 40 coach ta’ Special Olympics Malta.

Il-President ta’ Special Olympics Malta qalet li t-taħriġ li qed joffru l-coaches tal-atleti Maltin hu mfassal professjonalment skont il-karatteristiċi ta’ kull individwu u jawgura tajjeb biex l-atleti mhux biss jieħdu gost fil-logħob iżda jkunu fost l-aqwa.

“Din se tkun l-ewwel darba li l-logħob ta’ dan it-tip se jsir f’Malta u konvinta li l-appoġġ tal-Maltin kollha se jgħin lill-atleti biex jagħtu dak kollu li kapaċi joffru f’dik li se tkun l-opportunità ta’ ħajjithom biex jikkompetu u jiksbu r-riżultati,” qalet Dr Lydia Abela.

Id-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta, is-Sinjura Anna Calleja stiednet lill-coaches kwalifikati u voluntiera biex jissieħbu fil-vjaġġ lejn il-logħob f’Malta u jkunu ta’ benefiċċju għall-persuni b’dizażbilità biex jgħarrfu u jiffukaw fuq l-abiltajiet tagħhom.

Iċ-chairperson tal-kumitat organizzattiv tal-logħob ta’ Mejju 2022 f’Malta, id-Deputat Oliver Scicluna rringazzja lill-coaches u qal li t-tħejjijiet mexjin b’ritmu tajjeb ħafna biex il-logħob ikun mument ta’ għaqda u ċelebrazzjoni ta’ inklużjoni.

Il-Ministru għall-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja, Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-isport, ir-rikreazzjoni u l-għaqdiet volontarji, Clifton Grima kienu preżenti għall-attività.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com