Kap Eżekuttiv U Chairperson Ġdid Għall-Enemalta

 Kap Eżekuttiv U Chairperson Ġdid Għall-Enemalta

Fi stqarrija l-Enemalta ħabbret ħatriet ġodda fl-istrutturi tat-tmexxija tagħha.

L-Enemalta qalet li s-sur Jonathan Cardona ġie maħtur Kap Eżekuttiv ta’ Enemalta plc b’effett mill-11 t’ Ottubru. Huwa ser iservi f’din il-kariga wara l-Inġinier Jason Vella li qiegħed jassisti f’din it-transizjoni.

“Nixtieq nuri apprezzament tal-fiduċja li ngħatajt f’din il-kariga. Inħares il-quddiem biex flimkien mal-bord tal-kumpanija, maniġment, il-ħaddiema kollha u l-azzjonisti nkomplu nibnu fuq il-ħafna xogħol siewi li sar matul is-snin, u nsaħħu din l-ażjenda tant kruċjali għall-ekonomija Maltija.” qal Jonathan Cardona.

L-Enemalta ħabbret ukoll li l-inġinier Jonathan Scerri ġie maħtur Chairperson tal-Bord tad-Diretturi.

“Ninsab onorat u fl-istess ħin ħerqan li se nkun qed immexxi l-bord tal-Enemalta. Hija kumpanija li nħossni li trabbejt fiha. Hemm ħafna xogħol xi jsir u miri x’jintlaħqu flimkien mal-ħaddiema. Ċert li magħna se jkomplu jimpenjaw ruħhom biex jaraw lil din il-kumpanija timxi ’il quddiem.” stqarr Inġ Jonathan Scerri.

Waqt li irringrazzjat lill-Inġinier Jason Vella u lis-Sur Kevin Chircop għax-xogħol li wettqu fl-aħħar snin, l-Enemalta awgurat suċċess lis-Sur Cardona u l-Inġinier Scerri fil-karigi ġodda tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com