Kumpens Ta’ €10,000 Lil George Degiorgio Għaliex Kienu Qed Jisimgħu T-Telefonati Tiegħu Mingħajr Permess
Ilbieraħ l-Imħallef Toni Abela ordna lill-Avukat tal-Istat u lill-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà biex jagħtu €10,000 kumpens lil George Degiorgio wara li kkonkluda li kellu telefonati interċettati b’mod illegali.
L-akkużat fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, George Degiorgio iċ-Ċiniż fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għaliex argumenta li ttieħdulu d-drittijiet tal-privatezza tiegħu u tal-qraba tiegħu billi ġew interċettati t-telefonati mingħajr awtorizzazzjoni.
Skond il-liġi s-Servizzi tas-Sigurtà Maltija għandhom dritt li jisimgħu telefonati tan-nies la darba jkollhom mandat iffirmat mill-Prim Ministru jew il-Ministru tal-Affarijiet Interni.
Jidher li l-investigaturi kien ilhom fuq tmien xhur qabel il-qtil ta’ Caruana Galizia jsegwu t-telefonati ta’ George Degiorgio.
L-Imħallef Toni Abela wara li sema’ lil kulħadd innota kif it-talba tal-Kummissarju tal-Pulizija biex jiġu interċettati t-telefonati ta’ Degiorgio saret seba’ xhur qabel id-delitt ta’ Caruana Galizia, meta ma kienx hemm xamma li kien qed jippjana d-delitt u kienet tikkonċerna reati oħra.
L-Imħallef Abela qal li jekk kien hemm mandat fi Frar 2017 dan kien skada sal-ġurnata tal-qtil ta’ Caruana Galizia għax l-mandat kien intalab għal sitt xhur. Huwa sostna wkoll li quddiemu ma nġiebet ebda prova li kien hemm mandat u għalhekk ikkonkluda li dawn saru b’mod irregolari.
Kien għalhekk li l-Imħallef Abela ordna lill-Avukat tal-Istat u l-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà biex jagħti l-imsemmi kumpens lil George Degiorgio ċ-Ċiniż.