L-Aħħar 3 Ijiem Għall-Użu Tal-€100 Vawċers – Madwar 90% Tal-Vawċers Stampati Utilizzati
Fadal biss l-aħħar tliet ijiem sabiex jiġu użati l-€100 vawċers li l-Gvern nieda fl-aħħar xhur bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. Hekk kif l-użu tat-tieni round ta’ €100 vawċers jasal fi tmiemu fil-31 ta’ Ottubru, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri jappella lil dawk kollha li għadhom m’għamlux użu minnhom sabiex jieħdu din l-opportunità u jikkunsmawhom fil-ħwienet, fir-ristoranti, jew postijiet oħra eliġibbli.
Informazzjoni miġbura mill-entità MIMCOL turi li madwar 90% kemm tal-vawċers blu u vawċers ħomor stampati ġew utilizzati. Dan ifisser li fadal madwar 10% tal-vawċers stampati li għadhom iridu jiġu ikkunsmati.
Fi stqarrija l-Ministru Schembri qal li jinsab sodisfatt mir-rispons tal-pubbliku u anke tan-negozji li pparteċipaw fl-iskema li saret bil-għan li tingħata injezzjoni ekonomika ta’ madwar €50 miljun fl-ekonomija Maltija. Inkoraġġixxa lill-membri tal-pubbliku u lin-negozji sabiex huma wkoll, permezz tal-mezzi diġitali, jgħinu fl-appell li fadal biss ftit sigħat għall-użu ta’ dawn il-vawċers.
Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-entità MIMCOL tax-xogħol kollu tagħha sabiex il-proċess kollu mexa bla xkiel.