L-Aħħar Fażi Tax-Xogħlijiet Tal-Mina Taħt L-Art Bejn Pembroke U Ta’ Qali Għal Ilma Aħjar

 L-Aħħar Fażi Tax-Xogħlijiet Tal-Mina Taħt L-Art Bejn Pembroke U Ta’ Qali Għal Ilma Aħjar

Il-proġett ta’ mina taħt l-art bejn l-Impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke u l-ġibjuni f’Ta’ Qali laħaq mira importanti ħafna. It-tielet u l-aħħar fażi tax-xogħlijiet se twassal għat-tlestija ta’ dan il-proġett mil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, żaru x-xogħlijiet li qed isiru taħt l-art bejn l-Impjant tar-Reverse Osmosis ta’ Pembroke u l-ġibjuni f’Ta’ Qali.

B’tul ta’ 9.5 kilometru, dan il-proġett – b’investiment ta’ €30 miljun – se jkun qed itejjeb il-kwalità tal-ilma madwar Malta, filwaqt li jtejjeb l-effiċjenza fl-operat u jżid is-sostenibbiltà ambjentali.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan l-investiment hu parti minn sensiela ta’ proġetti li qed twettaq il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, biex tkompli ssostni l-ekonomija Maltija u tipprovdi kwalità ta’ ilma aħjar liċ-ċittadini.

“Illum qed naraw it-tielet u l-aħħar fażi tax-xogħlijiet. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’investiment bla preċedent fis-settur tal-ilma. Grazzi għall-ħidma tal-Korporazzjoni qed inkomplu nsostnu l-ekonomija Maltija u ntejbu l-kwalità tas-servizz provdut lill-Maltin u l-Għawdxin”, saħqet il-Ministru Dalli.

Ir-Reverse Osmosis f’Pembroke huwa l-ikbar impjant tal-WSC fejn bħalissa għaddej xogħol biex titlesta l-konnettività bejn l-impjant ta’ Pembroke mad-diversi ġibjuni f’Ta’ Qali. Dan se jkun qed jassigura sostenibbiltà ambjentali, fejn l-ilma se jkun trattat u ttestjat sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u b’hekk se tiżdied l-effiċjenza. Il-mina se tkun attrezzata bil-fibreglass u se twassal l-ilma lejn Ta’ Qali. Permezz ta’ dan il-proġett se titwassal kwalità ta’ ilma aħjar lejn iċ-ċentru ta’ Malta, u permezz ta’ feeding hub mhux se jkun hemm bżonn l-użu ta’ pompi, li se jfisser għal aktar effiċjenza.

“Permezz ta’ teknoloġija moderna u li tniġġes anqas, qed naraw li l-ilma jiġi trattat u ttestjat, biex waqt li nsaħħu l-effiċjenza nkunu qed inaqqsu l-ħela, u dan iwassal biex ikun hemm inqas użu ta’ elettriku u jiġu frankati mijiet ta’ tunnellati ta’ karbonju fis-sena”, kompliet il-Ministru Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq dwar kif waħda mir-riżorsi l-aktar skarsi ta’ pajjiżna huwa l-ilma u li għalhekk il-ġestjoni tal-ilma hija kruċjali. L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li nipprovdu lill-poplu Malti b’ilma ta’ kwalità tajba b’inqas impatt fuq l-ambjent.

Is-segretarju parlamentari qal ukoll li dan il-proġett qed isir b’investiment ko-finanzjat minn fondi Ewropej.

“Illum qed niċċelebraw tragward importanti – it-tniffid tal-medda sħiħa tal-mina bejn Pembroke u Ta’ Qali. Ix-xogħol jibda minn issa, biex naraw li dan il-proġett ikun ta’ benefiċċju għall-korporazzjoni u l-klijenti tagħna. Dan billi nassiguraw kwalità ta’ ilma aħjar madwar il-gżejjer Maltin filwaqt li nassiguraw effiċjenza u sostenibbiltà”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Ivan Falzon.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com