“L-Awtorità Tax-Xandir Għandha Tagħmel Xogħolha Billi Twettaq L-Obbligu Li Għandha Bil-Liġi” – Bernard Grech
Ftit tal-ħin ilu għada kemm intemmet laqgħa bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u ċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir.
Bernard Grech f’kummenti li għamel lill-ġurnalisti qal li huwa saħaq li l-Awtorità għandha tagħmel xogħolha bħala Istituzzjoni billi twettaq l-obbligu li għandha bil-liġi sabiex tiżgura li l-PBS ikun imparzjali, ibbilanċjat u veritier.
“Iż-żmien li nibqgħu nkejlu l-imparzjalità bil-ħin u l-preżenza spiċċa għaliex ix-Xandir Pubbliku spiċċa għodda f’idejn il-Gvern bħala stazzjon tal-poter li jdawwar l-informazzjoni b’mod deliberat, u jigdeb b’mod lampanti sabiex joħnoq u jdawwar il-messaġġ tal-Oppożizzjoni,” saħaq il-Kap tal-PN.
Huwa qal ukoll li l-Awtorità tax-Xandir għandha tħares minn jedda, id-dritt li għandu kull ċittadin li x-xandir pubbliku jwassal l-aħbar b’mod korrett, bilanċjat u mingħajr manipulazzjoni partiġġjana minn Kastilja. Sostna li “dan anki fid-dawl tal-ittra viljakka li ntbagħtet lil producers tal-programmi, li tirrikjedi informazzjoni minn ġimagħtejn qabel dwar dak li jkun se jiġi diskuss. Dan qed irażżan kull opportunità ta’ diskussjoni dwar affarijiet kurrenti u jkisser l-effett ta’ issues li jinqalgħu.”
Bernard Grech temm jgħid li huwa appella lill-Awtorità li f’demokrazija għandha rwol indispensabbli sabiex tkun issalvagwardjata d-demokrazija, it-trasparenza u d-dritt għall-informazzjoni veritiera, sħiħa u ħielsa, Il-Kap tal-PN qal li ma jeskludi l-ebda azzjoni ulterjuri inkluża dik legali jekk is-sitwazzjoni tibqa’ tippersisti.