“L-Identità U L-Karatteristiċi Ta’ Għawdex Qed Ikomplu Jiġu Mhedda Bl-Iżvilupp Bla Rażan F’Żoni Pittoreski” – Il-PN

 “L-Identità U L-Karatteristiċi Ta’ Għawdex Qed Ikomplu Jiġu Mhedda Bl-Iżvilupp Bla Rażan F’Żoni Pittoreski” – Il-PN

“Il-mod kif inħargu numru kbir ta’ permessi mill-Awtorita’ tal-Ippjanar fl-aħħar 8 snin juri biċ-ċar li l-Gvern Laburista ġie jaqa’ u jqum mill-ħarsien tas-sbuħija tal-gżira. Din hija politika short sighted li għad irridu nbatu l-konsegwenza tagħha fis-snin li ġejjin. Politika li wasslet biex Għawdex tilef u qed jitlef dak li jagħmlu uniku.”

Dan huwa dak li ntqal mill-Partit Nazzjonalista fi stqarrija f’reazzjoni għall-aħħar permess li ħareġ mill-Awtorità tal-Ippjanar fil-bajja tax-Xlendi. Il-PN qal li jifhem li min għandu propjetà jew art li tista’ tiġi żviluppata jkun jrid jimmassimizza l-valur tagħha. Però dan għandu dejjem jsir b’ħarsien sħiħ tal-identità tal-gżira Għawdxija, tal-karatteristiċi tal-lokalità fejn ikun ser isir l-iżvilupp u ġirien li jgħixu fl-istess zona. Kull żvilupp għandu jiġi kunsidrat dejjem fi kwadru akbar tal-interess pubbliku u dak li jagħmel il-gżejjer tagħna isbaħ u mhux li jkerrah.

Il-PN fl-istqarrija saħaq li dan l-obbligu jaqa’ kollu fuq l-Awtorità tal-Ippjanar li l-uffiċjali tagħha huma mħallsa mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi biex iħarsu l-ġid komuni. “Sfortunatament fl-aħħar 8 snin l-Awtorità tal-Ippjanar b’direzzjoni ċara minn Kastilja saret Awtorità tal-permessi akkost ta’ kollox bla ebda kunsiderazzjoni għall-estetika, sostenibbiltà ambjentali u ekonomika u bla ebda ħsieb kif tista’ tiġi mħarsa s-sbuħija ta’ Għawdex” tenna l-PN.

Ftit tax-xhur ilu s-Sindki kollha ta’ Għawdex ħarġu bi 38 proposta dwar kif jista’ jitwaqqaf ċertu żvilupp li qed iwassal għall-qerda tal-ambjent urban u rurali ta’ Għawdex.

Il-PN sostna li minkejja li meta ġew sottomessi dawn il-proposti kemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ministru għall-Ambjent qalu li jaqblu magħhom illum xhur wara għandhom ma attwawx proposta waħda biss minn dawn it-38 proposta.

“Bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti,” temm jgħid il-Partit Nazzjonalista fl-istqarrija tiegħu.

Ritratt: My Guide Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com