L-UE Qablet Ma’ Malta Għal Flessibilità Neċessarja Sabiex Lill-Istati Membri Jindirizzaw Iż-Żieda Fil-Prezzijiet Tal-Enerġija
Il-Prim Ministru Dr Robert Abela ipparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret bejn il-21 u t-22 ta’ Ottubru.
Waqt il-laqgħa, il-mexxejja Ewropej indirizzaw temi importanti u ta’ prijorità fosthom il-prezzijiet tal-enerġija, il-pandemija, l-immigrazzjoni, is-saltna tad-dritt u t-trasformazzjoni diġitali.
Il-Ministru għall-Enerġija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli Dr Miriam Dalli akkumpanjat lill-Prim Ministru fi Brussell fejn iltaqgħet mal-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija Kadri Simson.
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija kienet fuq nett tal-aġenda għall-mexxejja Ewropej li lkoll jinsabu mħassba dwar din l-istess żieda. Iddiskutew miżuri li għandhom jittieħdu fosthom fil-qasam ta’ renewable energy, fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, biex jindirizzaw din il-problema. L-Unjoni Ewropa qablet li tingħata l-flessibilità neċessarja lill-istati membri biex jaraw huma kif għandhom jindirizzaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija skond l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż.
F’kummenti li ta wara t-tmiem tal-Kunsill, il-Prim Ministru qal li “pajjiżna poġġa l-pożizzjoni tiegħu ċara illi aħna se nibqgħu nappoġġjaw lin-nies tagħna u lin-negozji tagħna f’kuntest tar-realtajiet partikolari li għandu pajjiżna. Dan kien messaġġ li wassalnih bis-saħħa, tant ukoll illi huwa rifless fil-konklużjonijiet tal-Kunsill. Dik kienet il-policy li addotajna sa minn Marzu tal-2020, li tul il-pandemija kollha rridu nibqgħu nagħtu appoġġ sħiħ lin-nies u n-negozji b’diversi miżuri, bħal wage supplement ewlieni. Bl-istess mod issa la għandna din ir-realtà madwarna ta’ żieda fil-prezz tal-fuel madwar id-dinja, żieda fil-prezz tal-enerġija u inflazzjoni aħna rridu nibqgħu hemm biex nkunu dak il-Gvern li nappoġġjaw lin-nies kollha biex iż-żieda fil-prezzijiet ma tiġix riflessa bħala piżijiet ġodda fuq in-nies.”
Il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 kienet ukoll fost il-prijoritajiet fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej hekk kif iddiskutew il-lezzjonijiet li ttieħdu mill-istess pandemija, fosthom il-kampanja ta’ vaċċinazzjoni u l-importanza li kull stat membru tal-Unjoni Ewropea jkollu aċċess għall-mediċina. Il-mexxejja qablu fuq solidarjetà internazzjonali u kkommettew li jaħdmu flimkien biex il-programm ta’ tilqim ikun aċċessibbli u disponibbli għal kulħadd.
Id-diskussjoni dwar l-immigrazzjoni iffokat l-iktar fuq kooperazzjoni mal-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti, u l-protezzjoni tal-fruntiera esterna tal-Ewropa. Intlaħaq ftehim bejn l-istati membri li jrid isir aktar investiment f’pajjiżi li huma “partners” tagħna, bħal-Libja, biex jissaħħaħ il-proċess ta’ żvilupp fil-pajjiż u jitnaqqas l-influss ta’ immigranti deħlin l-Ewropa.
Ingħatat importanza lis-saltna tad-dritt b’mod partikolari fl-isfond ta’ dak li seħħ fil-Polonja u s- sejħiet ripetuti tal-Parlament Ewropew biex il-Fondi Ewropej ikunu marbuta ma’ dan il-qasam. Il-Prim Ministru aċċenna li f’Malta, fl-aħħar għoxrin xahar saru riformi kbar u bla preċedent biex inkomplu nsaħħu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Liema riformi huma tanġibbli u diġà qed jinħass l-effett tagħhom.
Waqt il-kunsill, ġiet diskussa t-trasformazzjoni diġitali li għandha twassal biex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività, kif ukoll toħloq impjiegi ġodda.
Il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll il-kummerċ tal-Ewropa ma’ pajjiżi esterni u ħarsu lejn avvenimenti internazzjonali importanti li ser jittellgħu fil-ġimgħat li ġejjin.