“La Nagħlqu Għajnejna U Anqas Insoddu Widnejna…” – L-Arċisqof F’Jum L-Armata

 “La Nagħlqu Għajnejna U Anqas Insoddu Widnejna…” – L-Arċisqof F’Jum L-Armata

Dalgħodu saret quddiesa f’Jum l-Armata mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-kongregazzjoni tmexxiet mill-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella. Preżenti wkoll il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Jeffrey Curmi, uffiċjali u membri tal-Armata.

Fl-omelija, l-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar ir-responsabbiltà kbira li għandha l-armata biex tibqa’ dejjem korp dixxiplinat, ittrenjat u ppreparat għaliex l-għajta ta’ min għandu bżonn l-għajnuna ma tafx meta tiġi, kemm minn Malta u Għawdex u mill-ibħra territorjali tal-pajjiż, kif ukoll minn nofs il-Baħar Mediterran: “intom u tirrispondu għal dawn it-talbiet b’dedikazzjoni u b’sagrifiċċju qed tesprimu ċ-ċiviltà tal-pajjiż tagħna”.

L-Arċisqof qal ukoll li l-armata mhux biss tiżgura d-demokrazija tal-pajjiż, imma li bil-ħiliet tas-suldati tagħha u l-mezzi li jipprovdi l-Istat tkun garanzija li Malta tibqa’ pajjiż ċivilizzat, biex fejn hemm bżonn l-għajnuna u l-kompetenza tagħna “la nagħlqu għajnejna u lanqas insoddu widnejna. Dan bi mħabba għalikom infuskom, għal xulxin u għall-proxxmu, għal Alla”. F’isem il-poplu Malti u Għawdxi, Mons. Arċisqof irringrazzja lill-membri tal-armata talli jiggarantixxu s-sigurtà tal-pajjiż.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com