Leli Vassallo – Għaxqi Ħabrieki Li Ser Iħalli Vojt Warajh
Ilbieraħ tħabbret il-mewt ta’ Leli Vassallo; eks Sindku ta’ Ħal Għaxaq għal diversi snin u eks President tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp. Leli kien ukoll il-licencee tal-kamra tan-nar għal xi snin.
Fuq il-paġna tal-Għaqda Mużikali li kien iħobb, intqal li Leli jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-akbar pilastri tas-soċjetà għaliex għal diversi snin kien mhux biss il-moħħ izda wkoll l-id li mexxiet is-soċjetà ‘l quddiem.
“Leli kien il-persuna li kien minn ta’ quddiem li ħolom bil-bini tal-każin ġdid sabiex ikollna l-Meravilja ta’ każin li għandna llum; mhux biss ħolom imma mexxa lil sħabu kollha biex din il-ħolma ta l-Ġużeppini Għaxqin setgħet issir realtà. Għal numru ta’ snin, waqt il-bini tal-każin, Leli kien kemm President u kif ukoll kaxxier tas-soċjetà u dan ikompli juri s-sagrifiċċji kbar li kien lest li jagħmel għas-soċjetà tagħna.
Ghal tul ta’ żmien kien ukoll responsabbli mill-kamra tan-Nar fejn wara inċident li kien sar ħa ħsieb flimkien ma’ sħabu, il-bini tal-kmamar li ġġarrfu u min hemm kompla biex ħa r-responsabbiltà tal-kamra tan-nar fuqu.”
Insellmu l-memorja ta’ Leli Vassallo.