“Lesti Nkunu L-Bidla Biex Nagħtu D-Direzzjoni T-Tajba Lil Pajjiżna” – Bernard Grech
“Lesti nkunu l-bidla biex nagħtu d-direzzjoni t-tajba lil pajjiżna.” Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista fuq NET Television, NET FM u l-midja soċjali, meta kien mistoqsi dwar stħarriġ li wera kif iż-żgħażagħ qed jaqtgħu qalbhom minn pajjiżna.
Bernard Grech qal li dan is-survey hu inkwetanti għax iż-żgħażagħ m’humiex jaraw tama fil-pajjiż. Tenna li fi tmien snin, Malta u Għawdex tagħna marru lura u mhux ‘il quddiem. Qal li għalhekk, irridu naraw li, lil hinn mis-slogans u l-kliem sabiħ, irridu naraw kif iż-żgħażagħ jerġgħu jibdew jemmnu f’pajjiżna.
Dwar l-Ambjent, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li sa minn meta laħaq fit-tmexxija tal-Partit, ilu jgħid li dan is-settur għandu jkun wieħed mill-pilastri tal-politika tal-Partit fejn ra l-bżonn li nipproteġu ċ-ċentri urbani ta’ madwarna quddiem l-avvanz ekonomiku li qed iwassal għal konkrit kullimkien.
Bernard Grech tenna li l-avvanz mhux biss li jkollna l-miljuni fil-bwiet tan-nies, iżda li jkollna Ambjent san, fejn wieħed ikollu aktar pulmuni fejn igawdi l-arja pura. Hu għalhekk li, bħala Prim Ministru, jara li zoni barra mill-iżvilupp jinbidlu wara vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament ħalli pajjiżna jkun aktar protett għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li mhux aċċettabbli li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ jisraq lill-poplu mill-kontijiet tad-dawl, b’kultura anti-Soċjalista. Qal, li dan minkejja li l-Prim Ministru diġà ammetta li hemm min qed jinsteraq, iżda baqa’ ma jrid jagħmel xejn biex jagħti lura l-flus li qed jinsterqu ta’ kuljum.
Dwar il-mod kif il-Gvern Laburista falla fil-Governanza t-Tajba, Grech qal li Gvern ġdid immexxi minnu jara li jimxi mal-proposti tal-korpi kostitwiti ħalli kull ewro li jiġbor il-Gvern jintefqu bl-aħjar mod. Qal li għalkemm hu normali li jingħataw direct orders, dawn għandhom ikunu l-eċċezzjoni u mhux in-norma.
Bernard Grech irrefera għad-dikjarazzjoni tal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne dwar il-kuntratt ma’ Steward, fejn iddikjara li dan hu każ ieħor tal-korruzzjoni tal-Gvern Laburista. Spjega li dan hu kkonfermat mill-fatt li l-Vitals u Steward ma għamlu xejn biex itejbu t-tliet sptarijiet pubbliċi li għandhom f’idejhom. Spjega, li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti lura t-tliet sptarijiet pubbliċi lill-poplu tagħna.
Għaldaqstant, tenna li Gvern ġdid immexxi minnu joħroġ lil pajjiżna mil-lista l-griża tal-FATF, li qed ittappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Tenna iżda, li rridu nirrispettaw aktar lil xulxin u nużaw il-vot favur ir-rispett reċiproku u l-maturità.
Il-Kap tal-PN temm billi qal li jrid jibqa’ jżomm kuntatt maż-żgħażagħ biex jara li pajjiżna jibqa’ d-dar tagħhom.