“Ma Nifhimx Kif Il-Gvern Jikri Propjetajiet Privati Fil-Belt Stess Meta L-Gvern Għandu L-Propjetà Tiegħu Battala…” – Jason Micallef
F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali, Jason Micallef qal li ftit jiem qabel il-Budget l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għamlet diversi proposti dwar il-bżonn li titkompla r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali fil-Belt Valletta.
Jason Micallef qal li fost il-proposti li għamlu hemm ir-riġenerazzjoni tal-binja tal-Gvern stess taħt l-arkati fid-daħla ewlenija tal-Belt Valletta.
“It-telqa assoluta, l-ispazji battala wieħed wara l-ieħor f’dan il-bini tal-Gvern, li ilu hekk għal bosta snin, mhux aċċettabbli għal bosta raġunijiet,” saħaq Micallef.
Huwa ta diversi raġunijiet biex isostni l-argument tiegħu fosthom li l-Gvern irid ikun hu l-ewwel wieħed li jagħti l-eżempju kif binjiet tiegħu ma jitħallewx battala u mitluqa għal snin sħaħ. Micallef sostna li inutli li nduru fuq il-familji jew ninċentivaw lin-nies biex binjiet privati battala jimtlew jew jintużaw meta l-Gvern stess jagħmel mod ieħor.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta saħaq li mhux xieraq għall-belt kapitali ta’ pajjiżna li jkollha bini mitluq bħal dan fid-daħla ewlenija meta l-ewwel ma tiekol hi l-għajn, filwaqt li qal li “ma nifhimx kif ministeri jew dipartimenti tal-gvern fil-belt, jikru propjetà’ mingħand il-privat fil-belt stess meta il-Gvern għandu l-propjetà’ tiegħu battala…Ma tagħmilx sens.”
Jason Micallef temm jgħid li l-Gvern permezz tal-Awtorità tad-Djar għandu jagħti struzzjonijiet lill-istess Awtorità dwar pjan ċar u ħolistiku għar-riġenerazzjoni ta’ dil-binja, u l-użu neċessarju tagħha mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn.