“Ma Ninsewx Li Fi Żmien Gvern Preċedenti Malta Kienet Fil-Periklu Li Titlef Miljuni Kbar”
Huwa fatt magħruf li l-gvern preżenti għamel l-aħjar użu ta’ fondi Ewropej u dan jidher ċar mill-inizjattivi u proġetti li twettqu fl-aħħar snin f’oqsma differenti fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, l-oqsma soċjali, l-agrikoltura, l-infrastruttura, in-negozji ż-żgħar u oqsma oħra.
Dan intqal fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari Għall-Fondi Ewropej.
Intqal li wieħed irid ifakkar li filwaqt li fi żmien gvern preċedenti, Malta kienet fil-periklu li titlef miljuni kbar ta’ fondi Ewropej, fl-aħħar snin irnexxielha tilħaq waħda mil-ogħla rati ta’ assorbiment tal-fondi Ewropej.
F’pajjiżna l-qasam tal-fondi Ewropej huma amministrati minn strutturi b’saħħithom li jissorveljaw il-mod kif jintefqu dawn il-fondi mill-ippjanar sa l-implimentazzjoni tagħhom. Dawn l-istrutturi jaħdmu b’kollaborazzjoni sħiħa mal-istituzzjonijiet Ewropej.
“Il-gvern se jkompli bil-ħidma tiegħu biex jagħmel l-aqwa investimenti permezz tal-fondi li kiseb fis-sena 2020 għal Malta, fl-ammont ta’ €2.27 billjun, li huwa l-akbar pakkett finanzjarju li nkiseb mill-Unjoni Ewropea sa mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.”