“Malta Hija Pajjiż Mediterranju Uniku Li Ppreżenta Diversi Opportunitajiet” – Il-President Kroat
Il-President ta’ Malta George Vella kellu taħdidiet mal-President Kroat Zoran Milanović f’Zagreb, hekk kif beda l-impenji uffiċjali tiegħu bħala parti minn żjara statali lir-Repubblika tal-Kroazja. Iż-żjara statali qiegħda ssir wara stedina mill-President Milanović.
Fl-indirizz tiegħu waqt konferenza stampa konġunta fi tmiem laqgħa kordjali ħafna, il-President Vella qal li, matul is-snin, anke permezz tas-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea, Malta u l-Kroazja stabbilixxew relazzjoni b’saħħitha ħafna li wasslet għal progress għaż-żewġ pajjiżi fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kulturali. Huwa rrefera għall-potenzjal li qiegħed jikber fl-oqsma tan-negozju u l-kummerċ, l-inġinerija, it-taħriġ, l-edukazzjoni, l-affarijiet marittimi, it-teknoloġija informatika, il-loġistika u t-turiżmu.
Il-President Vella tkellem ukoll dwar l-impenn konġunt taż-żewġ pajjiżi Mediterranji biex jiżguraw li l-isfidi attwali, bħall-migrazzjoni, kif ukoll l-istabbiltà u s-sigurtà mas-sħab tan-Nofsinhar, jingħataw prominenza fl-aġenda tal-UE. Il-President Vella qal li Malta għadha mħassba bil-pressjoni tal-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, li rat żieda sinifikanti fl-iżbarki fl-2020 u din is-sena. Enfasizza li din m’għandhiex tkun biss kwistjoni għal ftit stati membri li huma l-aktar esposti, u li s-solidarjetà trid tiġi mill-Unjoni kollha.
Il-President Vella saħaq fuq l-importanza li Malta tagħti lill-perspettiva Ewropea dwar il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li qegħdin jimmiraw biex jingħaqdu mal-UE. L-adeżjoni mal-UE toffri benefiċċji reċiproċi peress li, filwaqt li tiżgura riformi fil-pront f’firxa ta’ oqsma importanti, din tikkontribwixxi wkoll biex l-UE nnifisha tkun iktar kompleta, iktar stabbli u iktar sigura.
Il-President Milanović tenna d-determinazzjoni tal-Kroazja li tkompli tiżviluppa l-koperazzjoni ma’ Malta, u qal li Malta hija pajjiż Mediterranju uniku li ppreżenta diversi opportunitajiet. Hemm diversi oqsma li fihom il-Kroazja tista’ tħares lejn l-aħjar prattiki ta’ Malta, u bħala eżempji identifika t-tkabbir ekonomiku, l-adeżjoni maż-żona tal-ewro u t-turiżmu. Dwar il-kwistjoni tal-migrazzjoni, il-President Milanović tkellem dwar l-ammirazzjoni tiegħu lejn il-politika proattiva ta’ Malta li baqgħet ippreparata sew, umanitarja u miftuħa, minkejja d-diffikultajiet li jaffaċċja l-pajjiż.
Qabel ma telaq, il-President Vella stieden lill-kontroparti Kroata tiegħu biex jagħmel żjara statali lil Malta fil-futur qrib. Wara l-laqgħa tiegħu mal-President Milanović, il-President Vella poġġa kuruna tal-fjuri fuq il-mafkar “Voice of the Croatian Victims – Wall of Pain” fiċ-ċimiterju ta’ Mirogoj.
F’Zagreb, il-President huwa akkumpanjat mis-Sinjura Miriam Vella. Id-delegazzjoni Maltija tinkludi wkoll, fost l-oħrajn, lil Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u lil John Spiteri, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Kroazja.
Ritratti: DOI