Matul Din Is-Sena Saru Aktar Minn 3700 Spezzjoni F’Postijiet Tax-Xogħol Mill-Uffiċjali Tal-OHSA

 Matul Din Is-Sena Saru Aktar Minn 3700 Spezzjoni F’Postijiet Tax-Xogħol Mill-Uffiċjali Tal-OHSA

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fi stqarrija qalet li waqt spezzjonijiet li qed isiru nstabu nuqqasijiet serji ta’ ħarsien ta’ saħħa u s-sigurtà f’oqsma differenti ta’ xogħol li setgħu wasslu għal danni fiżiċi, korriment jew mewt waqt ix-xogħol. L-OHSA tisħaq li l-ħajja u s-saħħa tal-bniedem m’għandhiex prezz u għandha tingħata prijorità assoluta.

Minn Jannar ta’ din is-sena sa llum, l-OHSA għamlet 3724 spezzjoni li matulhom waqqfet ix-xogħol f’478 postijiet tax-xogħol kif ukoll ħarġet 689 multa amministrattiva b’valur ta’ €256,750.

Barra minn hekk, inbdew proċeduri separati f’112-il każ fil-Qorti tal-Maġistrati f’Malta kif ukoll fil-Qorti t’Għawdex, waqt li nqatgħu 46 każ (li minnhom 45 instabu ħatja) u weħlu multi li jammontaw għal €68,750 minħabba ksur tal-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

L-OHSA qalet li l-multi ngħataw lil persuni differenti fosthom lil diretturi ta’ kumpaniji, uħud li jħaddmu (employers), uħud li jaħdmu għal rashom (self-employed), kif ukoll klijenti u project supervisors fuq proġetti ta’ kostruzzjoni. Għalkemm il-maġġoranza tal-postijiet tax-xogħol fejn ġew innutati nuqqasijiet kienu siti ta’ kostruzzjoni kien hemm ukoll postijiet oħra bħal stamperija u fabbriki fost oħrajn.

Minbarra nuqqas ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà b’mod ġenerali, instabu wkoll nuqqas ta’ evalwazzjoni tar-riskju u sinjali tas-saħħa u sigurtà, miżuri għat-tifi tan-nar u evakwazzjoni tal-ħaddiema. Kien hemm min naqas li jiżgura li l-lift għat-trasport ta’ merkanzija nstallat fil-post tax-xogħol jiġi eżaminat minn persuna kompetenti kull sitt xhur u li jibgħat ir-rapport ta’ dan l-eżami lill-OHSA sa 28 ġurnata mid-data tal-eżami. Kien hemm ukoll min naqas li jagħti informazzjoni lill-uffiċċjali mill-OHSA.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com