“MCESD Aktar Proattiv U B’Djalogu Soċjali Qed Ikompli Dejjem Jissaħħaħ” – Il-Ministru Carmelo Abela
F’laqgħa tal-MCESD, l-imsieħba soċjali ltaqgħu biex jiġu diskussi l-konklużjonijiet tal-ħidma fuq erba’ rapporti partikolari li saru fi ħdan il-gruppi ta’ ħidma tal-MCESD. L-erba’ rapporti diskussi jittrattaw suġġetti kurrenti kemm fuq livell lokali kif ukoll Ewropew biex naslu għal żvilupp aktar sostenibbli u b’hekk, inkunu qed noħolqu futur aħjar għal ġenerazzjonijiet futuri. L-erba’ rapporti kienu jittrattaw l-ekwità, il-produttività u l-innovazzjoni, il-miżuri ta’ rkupru short-term u l-istabbiltà fiskali.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li, “Issa lħaqna l-mira tagħna bħala gvern, fejn għandna MCESD jiffunzjona b’mod aktar proattiv u b’hekk id-djalogu soċjali qed ikompli dejjem jissaħħaħ.” Il-Ministru Abela rrefera għall-fatt li bħala pass ieħor ’il quddiem, issa l-isħab soċjali ngħatalhom aċċess dirett biex ikollhom esperti fil-qasam partikolari tar-riċerka li jkunu qed iwettqu.
Il-Ministru spjega l-importanza tal-ekwità, pilastru li jindirizza l-qasam soċjali, b’setturi differenti fosthom l-impjiegi, l-ugwaljanza, u l-edukazzjoni. Dan il-pilastru jservi ta’ għodda b’saħħitha biex kulħadd ikun parteċipi, inkluż u relevanti fis-soċjetà.
Meta tkellem fuq ir-rapport dwar il-produzzjoni u l-innovazzjoni, irrefera għall-possibbiltà li gżiritna tkun ‘Beta Island’, b’soluzzjonijiet f’oqsma diversi li jiġu ttestjati f’pajjiżna qabel jittieħdu fi bliet u f’pajjiżi ikbar. Fuq dan is-suġġett, il-ministru aċċena għall-potenzjal li joffri Għawdex biex tiġi ttestjata t-teknoloġija l-ħadra, u għal dan l-għan isir investiment mill-privat bis-sapport tal-gvern biex tiġi żviluppata ekosistema li tħeġġeġ din ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Dwar it-tielet rapport li jittratta l-miżuri ta’ rkupru short-term, b’referenza għall-pandemija, irrimarka li hemm bżonn inċentivi u inizjattivi li jtaffu t-toqol tas-sitwazzjoni, jiffaċilitaw il-kummerċ u jistimulaw l-attività ekonomika. Il-ministru rrefera għall-ħidma tal-gvern li qed jaħdem biex ikattar il-ġid u l-infiq b’miżuri li għandhom multiplier effect għoli, mingħajr żieda fit-taxxi, u b’hekk jibbenefika minnhom kulħadd.
Dwar ir-rapport tal-istabbiltà fiskali, spjega li minkejja li s-sostenibbiltà fiskali ġejja mill-ġbir tat-taxxi dovuti lill-gvern, ġejja wkoll mill-użu adekwat tal-fondi pubbliċi li jiġu affettwati mit-tibdil fid-demografija, mill-pensjonijiet, mis-sigurtà soċjali, min-nefqa fuq l-edukazzjoni u s-saħħa, fost l-oħrajn.
Il-Ministru Carmelo Abela kkonkluda li l-għan tagħna bħala pajjiż għandu jkun li jinħoloq iktar xogħol ta’ kwalità u li nkomplu mexjin ’il quddiem, biex b’hekk il-ġid jasal għand kulħadd u nibqgħu niġġeddu kif qed naħdmu.