Mil-Llum Jiftaħ l-Istaġun Tal-Insib Bi Skop Ta’ Riċerka
Wara diversi jiem ta’ inċertezza dalgħodu reġa’ fetaħ l-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana.
Ikkonfermat dan il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali tagħha fejn qalet li dan ħa jkun qed isir bi skop ta’ riċerka.
L-FKNK qalet li b’sodisfazzjon kbir l-argumenti li resqet fil-Kumitat Ornis rigward ir-riċerka dwar l-għasafar tal-għana ġew ikkunsidrati favorevolment mill-Ministru Clint Camilleri.
“Għaldaqstant, f’isem l-eluf tan-nassaba membri tagħha, l-FKNK trid tirringrazzja lill-Gvern, b’mod partikolari lill-Ministru Camilleri, li kkonferma l-kontinwazzjoni ta’ din ir-riċerka hekk importanti mill-20 t’Ottubru 2021. Dan speċjalment, peress li l-FKNK hija konxja mill-pressjoni negattiva enormi li saret mill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex ir-riċerka ma jsirx,” tenniet l-FKNK fl-istqarrija tagħha.