“Nħares ‘L Quddiem Biex Pajjiżna Jkun Fost L-Ewwel Pajjiżi Ewropej Li Jintroduċi Liġijiet Kontra L-Slapp” – Id-Deputat Jonathan Attard
F’intervent li għamel fil-Parlament matul diskussjoni fuq l-estimi ġenerali tal-Ministeru tal-ġustizzja u governanza, d-Deputat Laburista Jonathan Attard qal li jħares ‘l quddiem biex pajjiżna jkun fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li jintroduċi liġijiet kontra l-Slapp.
“Kif diġà ħabbar l-Prim Ministru, l-pjan huwa li jkollna anti-SLAPP legislation, fejn għal darba oħra se naraw lill-pajjiżna fuq quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-introduzzjoni ta’ leġislazzjonijiet innovattivi. Innovattiva għaliex nafu li ebda stat membru tal-Unjoni Ewropea sal-lum m’għandu liġijiet ta’ dan it-tip”.
Jonathan Attard qal li huwa konvint li l-leġiżlazzjoni li qed iħares lejha l-Gvern Malti se tkun qed tindirizza diversi aspetti li ħolqu jew potenzjalment jistgħu joħolqu xkiel għal ġurnaliżmu ħieles u se tindirizza numru ta’ aspetti bħal ‘forum shopping’ jew dak magħruf bħala ‘libel tourism’.
“Ċertament m’għandiex immorru għal sitwazzjoni fejn persuna li tkun suġġetta għal malafama ma jkolliex forma ta’ rimedju, imma huwa kruċjali jinstab bilanċ. Bilanċ bejn azzjonijiet legali li huma leġittimi u azzjonijiet legali li huma manifestament infondati, jew jabbużaw mill-proċess legali biex isikktu” saħaq l-avukat Attard.
Id-Deputat Laburista, li għal snin ħadem fis-settur ġurnalistiku, qal li qiegħed iħares ukoll il-quddiem biex jara diskussjoni abbazi ta’ dak li ġie rrakomandat fir-rapport tal-inkjesta pubbliku, dwar qafas legali li jipprovdi li l-professjoni tal-ġurnalisti tkun awtoregolata fuq l-istess livell li liġijiet oħra jirregolaw professjonijiet oħra.
“Jinħtieġ diskussjoni serja fuq il-ġurnaliżmu, fejn l-għan ikun dak li nkomplu nissalvagwardjaw l-libertà tal-espressjoni imma jkun assigurat ukoll tisħiħ fil-professjoni ġurnalistika, fejn il-ġurnaliżmu serju jkun rikonoxxut u apprezzat” tenna Jonathan Attard.
Fl-intervent tiegħu tkellem dwar il-ħidma estensiva u bla preċedent li saret mill-Gvern fis-settur tal-ġustizzja u governanza. Qal li l-ħidma mwettqa mill-Gvern f’dan il-qasam hija konferma u xhieda ta’ kemm il-Partit Laburista kien, għadu u se jibqa’ Partit riformista li jrid ikun xprun ta’ aktar riformi kuraġġużi li jkomplu jsaħħu l-pilastri kollha tad-demokrazija ta’ pajjiżna.