“Nkomplu Nissalvagwardjaw Il-Lokal Tal-Għarb” – Il-PN
Il-Kunsillier Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Għarb Louis Apap jinnota b’sodisfazzjoni d-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali li ħa pożizzjoni kontra proposta ta’ triq ġdida fit-tarf tal-lokal qalb raba li jinħadem u f’zona barra l-iżvilupp.
Fi stqarrija l-Kunsillier Apap qal li jekk dan l-iżvilupp iseħħ mhux biss ser jeqred raba li jinħadem u li huwa barra z-Zona ta’ Żvilupp iżda jeqred il-karetteriska taz-Zona tan-naħa ta’ San Dimitri li sal-lum baqgħet bla mittiefsa u fl-istat naturali tagħha. Barra dan, tali triq tipperikola li iktar ‘l quddiem ikun hemm lok għall-iktar żvilupp li jġib sfreġju f’din iz-zona kif ukoll jirrovina il-lokal pittoresk tal-Għarb.
Il-Kunsillier Apap saħaq li filwaqt li huwa ddikjara mill-bidu nett li kien kontra dan l-iżvilupp anke wara li sema’ diversi residenti tal-lokal li kollha kienu kontra, waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali li saret il-bieraħ filgħaxija, jinstab sodisfatt li b’mod unanimu ħarġet pożizzjoni kontra dan l-iżvilupp.
Huwa appella lid-deputati kollha Għawdxin kif ukoll lill-Gvern sabiex jappoġġjaw din il-pożizzjoni tiegħu u tal-kumplament tal-Kunsill, jirrispettaw ix-xewqa tar-residenti tal-Għarb kif ukoll jinsistu mal-Awtoritajiet sabiex jevitaw sfreġju ieħor ġewwa l-Għarb.
Ritratt: Visit Gozo