“Numru Sostanzjali Ta’ Anzjani Se Jkunu Qed Jaraw Żieda Ta’ Bejn €10 U €15 Fil-Ġimgħa” – Il-Ministru Michael Farrugia
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia sostna li l-Baġit 2022 qed ikompli jibni fuq id-diversi inizjattivi li ddaħħlu fl-aħħar tmien snin. Dan hu possibbli għax qegħdin viċin in-nies, u l-Baġit 2022 hu mibni għall-bżonnijiet tan-nies.
“L-anzjani se jkunu jistgħu jgawdu kwalità ta’ ħajja aħjar kemm bix-xita ta’ benefiċċji u żidiet li se jgawdu minnhom, kif ukoll b’aktar mediċini diversi fil-formularju. Jaraw titjib sostanzjali fid-diversi servizzi li jingħatawlhom, hekk ukoll f’San Vinċenz de Paul u fid-djar tal-anzjani tal-gvern”, qal il-Ministru Michael Farrugia.
Huwa semma d-diversi proġetti li ġew implimentati f’San Vinċenz de Paul fosthom CT Scanner, Occupational Therapy, Hydrotherapy, Day Hospital u Outpatients Clinic.
Ħabbar ukoll li se jinbeda x-xogħol ta’ rinnovar fi tliet swali; se tinbeda ħidma għal Integrated Pathways mal-Ministeru għas-Saħħa biex inqas residenti jkollhom bżonn imorru l-Isptar Mater Dei; se jkun hemm Wi-Fi madwar San Vinċenz de Paul kollu; spiżerija; faċilitajiet ġodda għall-ħaddiema; garaxx mgħammar biċ-charging pillars; kif ukoll taqsima kontra t-tifi tan-nar.
Fil-qasam ta’ għajnuna lill-anzjani fil-komunità u dawk fid-djar tal-anzjani, il-Ministru Michael Farrugia elenka lista ta’ miżuri li se jiġu implimentati mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jsir il-ftuħ ta’ day/night shelter fin-naħa tan-nofsinhar ta’ Malta – speċifikament f’Ħal Safi; se jibda l-iskavar għal dar tal-anzjani ġdida fl-Imsida; se jsir iddisinjar ġdid għal dar tal-anzjani fil-Mosta; se jkompli s-servizz tas-Silver-T madwar Malta u Għawdex; u se ssir ukoll l-allokazzjoni ta’ €2.5 miljun għal xiri ta’ aktar sodod fil-komunità.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li għat-tmien darba konsekuttiva dan il-baġit qed jagħti żieda fil-pensjonijiet. Numru sostanzjali ta’ anzjani se jkunu qed jaraw żieda ta’ bejn €10 u €15 fil-ġimgħa.
Il-Ministru Michael Farrugia semma wkoll l-għajnuna supplimentari li se jibdew jirċievu l-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena, li awtomatikament se jibdew ikunu eliġibbli għall-għajnuna medika bla ħlas u mingħajr il-bżonn li jsir test tal-mezzi.
Barra minn hekk se jkun hemm ukoll żieda ta’ €50 għall-anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena li jgħixu fil-komunità jew f’dar tal-anzjani privata, żieda fil-benefiċċju tal-Carer at Home minn €6,000 għal €7,000 fis-sena kif ukoll żieda fir-rata ta’ sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice biex minn sussidju ta’ €5.50 fis-siegħa dan jitla’ għal €7 fis-siegħa.
Il-Ministru Michael Farrugia temm jgħid li l-anzjani tagħna se jkompli jingħataw l-għajnuna sabiex ikomplu jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, b’pensjonijiet ogħla u servizzi aħjar – f’pajjiż b’saħħtu u ġust.
Ritratt: DOI