“Pjan Ta’ Tim Magħqud Li Hu Ffukat Fuq Il-Ġid Li Rridu Noħolqu F’Pajjiżna”
“Dan il-baġit kien l-ikbar baġit b’miżuri soċjali. L-anzjani fuq quddiem nett biż-żidiet fil-pensjonijiet u benefiċċji oħra… Erġajna naqqasna l-piż tat-taxxi… Dan kien il-baġit bl-iktar miżuri ambjentali… Dan kien il-baġit li ħaseb ukoll fil-futur billi ħoloq l-inċentivi għall-kumpaniji biex ikun hemm iktar investiment.”
Il-Prim Ministru qal kif dan kollu jikkuntrasta man-narrattiva tal-Oppożizzjoni.
“Li hu żgur hu li meta tara dak li qalet l-Oppożizzjoni tasal għal konklużjoni sempliċi: Għandna oppożizzjoni li li kieku kienet fil-gvern, flok kienet tkun hemm tinvesti fin-nies kienet terġa’ tadotta l-awsterità.”
Oppożizzjoni li għamlet ġimgħat u xhur tipprova toħloq inċertezza fil-pajjiż għax ma tiflaħx tara n-negozju qed jirkupra. Oppożizzjoni li ħsiebha biss biex tbeżża. Tbeżża’ bil-pandemija. Imbagħad bil-FATF. Imbagħad bl-elezzjoni.
Dejjem b’tir wieħed. Li jxejjnu l-magna ekonomika li bnejna li tant ikkreat progress soċjali fl-aħħar snin. Magna ekonomika li permezz tagħha eluf ta’ nisa kisbu ndipendenza. Eluf ta’ persuni fuq benefiċċji soċjali bdew jaħdmu. Eluf ta’ żgħażagħ li setgħu jibdew negozju ġdid.
“Lil dawn kollha nagħtihom il-kelma tiegħi. Magħna taf fejn qiegħed. Għandkom is-serħan il-moħħ ta’ gvern sod li għandu l-istess interessi tagħkhom. Aħna ma aħniex ħsiebna fis-siġġu tal-poter jew fl-intriċċi politiċi. Aħna ħsiebna fl-interess nazzjonali. F’dak li jaqbel għall-Għawdxin u Maltin kollha.”