Proċess Ġdid Ta’ Manifattura Lokali Jipproduċi Arbli Magħmulin Mill-Fibre Glass Sabiex Ikunu Itwal, Eħfef U Aktar B’Saħħithom

 Proċess Ġdid Ta’ Manifattura Lokali Jipproduċi Arbli Magħmulin Mill-Fibre Glass Sabiex Ikunu Itwal, Eħfef U Aktar B’Saħħithom

ARM-D-COP huwa proġett li laqqa’ flimkien lill-Fakultà tal-Inġinerija tal-Università ta’ Malta u l-kumpanija Silvercraft Products Ltd. Dan il-proġett irċieva madwar €200,000 mill-Fond R & I FUSION li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST). Il-konsorzju żviluppa magna ġdida li kapaċi timmanifattura arbli magħmula minn plastik rinfurzat mill-fibre tal-ħġieg magħruf bħala Glass Fiber Reinforced Plastic (GFRP) li jistgħu jifilħu aħjar għall-piż minn alternattivi konvenzjonali.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, r-Riċerka u l-Innovazzjoni faħħar ix-xogħol tar-riċerkaturi nvoluti f’dan il-proġett u lill-kumpanija Silvercraft. Huwa rringrazzja wkoll lill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija għas-sostenn kontinwu li jagħtu lir-riċerka f’Malta.

“Permezz ta’ dan it-tip ta’ konsorzji, jinħolqu innovazzjonijiet ġodda li jkomplu jmexxu ‘l quddiem mhux biss ir-riċerka, iżda wkoll l-isem ta’ Malta,” qal il-Ministru Bonnici.

Normalment, l-arbli huma manifatturati mill-injam, l-azzar u l-concrete. S’issa, il-GFRP qatt ma ġie meqjus minħabba l-fatt li l-proċessi tal-manifattura kienu joħolqu ħafna limitazzjonijiet u kienu ristretti għal arbli inqas minn 16-il metru fit-tul. Il-Glass Fibre Reinforced Composite wera li huwa alternattiva attraenti għaliex jista’ jġorr piżijiet akbar, jservi bħala insulator, kapaċi jirreżisti għall-korrużjoni u r-reżistenza tal-użu u finalment huma eħfef li jfisser li ma jkunx hemm bżonn bażi għal ħtiġijiet ta’ pedimenti daqshekk riġidi.

ARM-D-COP irnexxielhom jiddisinjaw, jiżviluppaw u jikkommissjonaw magna rivoluzzjonarja għall-fabbrikazzjoni ta’ arbli tapered magħmula mill-GFRP. Il-konsorzju pproduċa prototip tal-magna li ġiet iddisinjata, żviluppata u kkummissjonata bil-għan li jiġu ttestjati u jieħdu l-aktar li jistgħu mil-kunċetti ta’ dan il-metodu rivoluzzjonarju. Din l-innovazzjoni se jkunu qed jibbenefika minnha s-suq kemm lokali kif ukoll dak internazzjonali.

Fid-diskors tiegħu, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando irrefera għall-valur miżjud għoli tas-settur tal-manifattura bħala wieħed li jagħmel impatt konsiderevoli fl-ekonomija usa’, li jinfluwenza b’mod sinjifikanti l-ambjent li fih joperaw setturi oħra tan-negozju u li jirriżulta f’multiplier effect. Huwa qal li: “Is-settur tal-valur miżjud għoli qed juri mudell għan-negozji tal-manifattura li qed isir aktar popolari, tant li qed ibiddel ir-rwol u l-iskop tagħom fil-katina tal-valur. Kompla jgħid li “Inċentivi tar-Riċerka u l-Innovazzjoni bħal FUSION, jippermettu kumpaniji bħal dawn ikollhom aċċess għal opportunitajiet sabiex ikunu jistgħu jbiddlu r-rwol tradizzjonali tagħhom bħala manifatturi f’dak ta’ riċerkaturi, disinjaturi u li jipprovdu servizz. Il-konsorzju ARM-D-COP wera b’suċċess li permezz tal-programm FUSION ideat innovattivi jistgħu jittrasformaw ruħhom fil-prattika u li d-distakk bejn in-negozju u l-akkademja jista’ jingħeleb b’suċċess.”

Il-Mexxej tal-proġett il-Prof. Inġ Duncan Camilleri qal li, “Permezz ta’ inizzjattivi u l-fondi neċessarji provduti mill-MCST, idea li kienet tħalliet fuq l-ixkaffa, ingħatat il-ħajja. Dan ta l-industrija lokali vantaġġ kompettittiv fuq dak internazzjonali. Il-magna rivoluzzjonarja mhux biss tipproduċi arbli komposti mill-fibre glass u r-reżina, iżda wkoll ħolqot prodott b’iktar effiċjenza strutturali u bi prezz aktar vantaġġuż fuq il-prodott finali. Il-versatilità tal-magna tagħti l-possibbiltà lill-inġiniera li jiddisinjaw u joħolqu arbli komposti mill-fibre glass u r-reżina, kif ukoll il-kapaċità li jirreżistu kull tip ta’ tagħbija konfigurata. Kienu l-għarfien, l-ispeċjalizzazjoni u l-prattiċità li wasslu għall-kollaborazzjoni bejn il-Fakultà tal-Inġinerija mill-Università ta’ Malta, u kumpanija lokali tal-manifattura, Silvercraft Products Ltd sabiex dan il-proġett kien ta suċċess. Permezz ta’ dan il-proġett, il-konsorzju għandu l-għan li jidħol fis-suq internazzjonali billi jbigħ il-prodotti finali lill-klijenti diversi u jikkapitillazza minn royalites li ġab miegħu dan il-proċess ta’ manifattura ġdida. Dan se joħloq aktar kollaborazzjonijiet ma’ kumpaniji dinjija li huma fuq ta’ quddiem fid-dinja fil-manifattura ta’ materjali komposti mill-fibre glass u r-reżina. L-investiment kontinwu fir-riċerka u l-innovazzjoni se jkompli jsaħħaħ il-GDP tal- Gżejjer Maltin.”

Stakeholders lokali u internazzjonali li segwew l-avveniment, attendew għal preżentazzjonijiet tekniċi mir-riċerkaturi, l-Inġiniera u l-produtturi tal-proġett, kif ukoll għal diskussjoni dwar il-qasam immexxija minn Komunikatriċi tax-Xjenza tal-Esplora.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com