Raġel Serb Arrestat Waqt Li Kien Tiela’ Fuq Il-Katamaran B’€36,040 Mhux Iddikjarati
Passiġġier Serb ġie arrestat wara li nstab li kien qed iġorr €36,040 fi flus kontanti mhux iddikjarati.
Ir-raġel, li kien qed jivvjaġġa lejn Sqallija, twaqqaf mill-Uffiċjali tad-Dwana qabel ma tela’ fuq il-katamaran.
Is-Serb meta mistoqsi qal lill-Uffiċjali tad-Dwana li ma kellux flus x’jiddikjara iżda wara tfittxija fuqu instab li kien qed iġorr €7,740. Wara aktar tfittxijiet fil-basket li kien qed iġorr u fil-vettura tiegħu instabu €28,300 oħra moħbija. €10,000 ngħatawlu lura filwaqt li l-ammont li kien fadal ġie miżmum.
Il-Pulizija ġew infurmati bil-każ u arrestat lill-passiġġier.
Intant f’każ ieħor separat, il-kelb tad-Dwana Gypsy fl-ajruport ta’ Malta rnexxielu jaqbad ċittadin minn Burma b’$12,475 dollaru ekwivalenti għal €10,910 fi flus kontanti mhux iddikjarati. Huwa nqabad b’dawn il-flus waqt ronda bil-kelb waqt li kien fi triqtu lejn Istanbul.
Ir-raġel ġie offrut ftehim barra mill-qorti fejn aċċetta li jħallas il-multa.