“Robert Abela Jagħżel Li Jipproteġi Lil Rosianne Cutajar Flok Ir-Reputazzjoni Ta’ Pajjiżna” – Il-PN
“Robert Abela żamm lil Rosianne Cutajar bħala r-rappreżentanta tal-gvern fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) għal dawn l-aħħar sitt xhur minkejja li hija kienet qed tiġi investigata li kissret il-Kodiċi ta’ Etika, iżda issa li r-Rules Committee għamilha ċara li kien se jipproċedi kontra Rosianne Cutajar ix-xahar id-dieħel, Robert Abela għażel it-triq li jipprova jwaqqaf dawk il-proċeduri kontra Rosianne Cutajar u b’hekk jipproteġiha minn kundanna għall-aġir tagħha.”
Dan ntqal mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għad-Drittijiet tal-Bniedem u Governanza Tajba Therese Comodini Cachia flimkien mal-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina.
Fi stqarrija qalu li t-tibdil fid-delegazzjoni tal-Gvern fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) filwaqt li saret inkiss inkiss minn Robert Abela, turi biċ-ċar li dan il-pass ittieħed mhux biex jiġi protett isem Malta, iżda biex Rosianne Cutajar tiġi protetta minn investigazzjoni u possibbilment kundanna li ttappnilha il-karriera politika tagħha. “Għal darboħra Robert Abela mexa b’konvenjenza politika minflok b’konvinzjoni.”
Il-Kelliema tal-PN saħqu li Robert Abela ilu xhur jaf li Rosianne Cutajar tinsab taħt investigazzjoni mir-Rules Committee tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ksur ta’ etika iżda kien biss meta dak il-Kumitat insista ma’ Rosianne Cutajar li huwa kien se jipproċedi bis-smigħ u determinazzjoni tal-akkuża fil-konfront tagħha li Robert Abela ċċaqlaq. “Tul dawn l-aħħar xhur Robert Abela kien ħalla lil Rosianne Cutajar tirrappreżenta lil Malta u tkompli tħammeg ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”
Il-PN kompla jgħid li f’April li għadda aktar minn 30 membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) talbu lill-Committee on Rules of Procedure, Immunities and Institutional Affairs sabiex jinvestigaw lil Rosianne Cutajar dwar ksur tal-Kodiċi ta’ Etika meta f’diskors li hija għamlet fl-Assemblea ħadmet sabiex jiddgħajjef rapport imħejji minn Pieter Omtzigt dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u s-saltna tad-dritt f’Malta mingħajr ma ddikjarat li hija kellha kunflitt ta’ interess. Il-proċeduri kontra Rosianne Cutajar dwar il-ksur tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Kunsill tal-Ewropa intalbu billi Rosianne Cutajar naqset milli tiddikjara r-relazzjoni tagħha ma’ Yorgen Fenech, akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, f’negozju ta’ proprjetá u rigward flus li hija kienet irċeviet.
Therese Comodini Cachia flimkien Karol Aquilina sostnew li l-istess ċirkostanzi li waslu lil Rosianne Cutajar sabiex tiġi investigata mir-Rules Committee tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika kien ukoll investigaha u kkonkluda li hija kissret il-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri tal-Parlament ta’ Malta. “Minkejja dan quddiem il-Kumitat tal-Parlament Malti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika il-Gvern, b’mod partikolari il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, baqa’ jipproteġi lil Rosianne Cutajar minn kundanna għall-aġir tagħha.”
Il-PN ikkonkluda l-istqarrija fejn qal li dan kollu juri kemm kliem Robert Abela dwar il-governanza tajba u standards għolja fil-ħajja pubblika huwa kollu kliem fieragħ. Huwa jibqa’ jagħżel li jipproteġi lil min jikser l-etika minflok jipproteġi r-reputazzjoni ta’ pajjizna. Robert Abela qed juri b’mod ċar li huwa mhux lest jieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex tissewwa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u jneħħi lil pajjiżna minn fuq il-lista l-griża.