“Se Jkollna Budget Realistiku Min-Nies Għan-Nies” – Il-PM Robert Abela

 “Se Jkollna Budget Realistiku Min-Nies Għan-Nies” – Il-PM Robert Abela

“L-aħħar ġimgħat kienu esperjenza mill-isbaħ ta’ konsultazzjoni fejn iltqajna ma’ msieħba soċjali minn setturi differenti, għaqdiet mhux governattivi mill-qasam soċjali u ambjentali fost oħrajn , kif ukoll man-nies fl-ibliet, l-irħula u l-pjazez.”

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela dalgħodu f’kollegament fuq ONE Radio ġurnata il-bogħod mill-ġurnata tal-budget.

“Nazzarda ngħid li dan kien wieħed mill-iktar baġits li saret konsultazzjoni għalih, fejn rajna li nitkellmu ma’ interessi diversi li dejjem jippreżentaw dak li jaħsbu huma li għandu bżonn il-pajjiż u mhux l-inqas is-settur tagħhom,” tenna l-Prim Ministru Abela.

Huwa semma wkoll kif ilbieraħ ltaqa’ mal-kabinett u l-Grupp Parlamentari fejn kulħadd ressaq l-ideat tiegħu. Il-Prim Ministru qal li din “kienet laqgħa oħra pożittiva ta’ tim magħqud, li jiġbor il-ħsibijiet flimkien biex ifassal politika li ttejjeb ħajjet in-nies.”

Robert Abela kompla jgħid li “dan huwa s-sabiħ li tkun fil-politika biex tagħmel differenza għall-anzjani, iż-żgħażagħ, il-pensjonanti , fejn l-għanijiet ikunu l-ġid li trid toħloq għal lum u l-ġenerazzjonijiet ta’ għada għax id-diskussjoni tkun fuq l-ideat, il-futur u hemm ikollok l-armonija fit-tim. Xi ħaġa li kif rajna lbieraħ stess fil-Partit Nazzjonalista ma teżisti fl-ebda livell u għalhekk il-poplu ma jistax jieħu r-riskju li jafda bil-futur tiegħu lil min lanqas kapaċi jgħaqqad it-tim li suppost qed jaħdem bih.”

Dr Abela qal li l-Gvern hu konxju wkoll tal-fatt li hawn min għadu lura, u dawn huma wkoll persuni li jridu jiġu mgħejuna. Huwa kompla jgħid li dwar il-qagħda tal-anzjani u l-pensjonanti, nnota li dan il-Gvern tahom lura d-dinjità fosthom bit-tneħħija tat-taxxa minn fuq il-pensjoni.

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif meta faqqgħet il-pandemija, il-previżjonijiet kienu tal-biża iżda meta tara kif mhux biss dan il-gvern ikkontrolla u waqqaf l-agħar milli jsir, iżda wkoll naqqas il-faqar u l-esklużjoni soċjali f’sena ta’ pandemija tifhem kemm il-politika ta’ dan il-gvern hi waħda li tagħmel sens u bbażata fuq il-ħtiġijiet tan-nies.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li “dan it-twemmin progressiv li se nibqgħu naraw anke fil-baġit tagħna, fl-istess ħin li nifhmu l-prijoritajiet ġodda u l-ħtiġijiet li għandna llum bħala soċjetà.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com