Sewwieq Ta’ Mutur Iweġġa’ Gravi F’Aċċident Tat-Traffiku Fiż-Żurrieq

Sewwieq ta’ mutur sofra ġrieħi gravi wara ħabta ma’ karozza.
L-aċċident seħħ ilbieraħ, għal xi t-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, fi Triq il-Belt Valletta, iż-Żurrieq.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Opel Astra, misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti l-Gudja, u mutur Yamaha, misjuq minn raġel ta’ 24 sena residenti Ħal Għaxaq.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.