Sewwieq U Passiġġiera Ta’ Mutur Isofru Ġrieħi Gravi Wara Ħabta Fil-Mellieħa
Sewwieq u passiġġiera ta’ mutur isofru ġrieħi gravi wara ħabta ma’ karozza.
L-aċċident seħħ ilbieraħ, għal xi t-tmienja u kwart ta’ filgħaxija, fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Skoda Rapid, misjuqa minn Eritrean ta’ 37 sena residenti l-Msida, u mutur Kymco, misjuq minn raġel ta’ 55 sena residenti r-Rabat, Għawdex. Fuq il-mutur kien hemm ukoll mara ta’ 54 sena residenti r-Rabat, Għawdex ukoll.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lix-xufier u l-passiġġier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.