Skemi Ta’ Għotjiet Ta’ Fondi Ewropej Lill-Intrapriżi Ta’ Daqs Żgħir U Medju Mġedda Sal-Aħħar Ta’ Marzu 2022

 Skemi Ta’ Għotjiet Ta’ Fondi Ewropej Lill-Intrapriżi Ta’ Daqs Żgħir U Medju Mġedda Sal-Aħħar Ta’ Marzu 2022

Waqt żjara fil-Malta School of Flying Company Ltd., intrapriża lokali pijuniera fl-industrija tal-avjazzjoni lokali, is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar it-tiġdid sa Marzu 2022 tal-Business Enhance ERDF Grant Schemes, li qed jagħtu l-opportunità lill-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju biex ikabbru l-operat tagħhom hekk kif jinċentivaw aktar investiment.

Is-Segretarju Parlamentari qal li l-Malta School of Flying Company Ltd. hija waħda minn 421 kumpanija li bbenefikat minn waħda mill-iskemi li hija 80% ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea, sabiex tinvesti f’tagħmir tal-ajru ġdid li se jiffaċilita l-għoti ta’ servizzi ġodda u timmira lejn niċeċ differenti ta’ negozju f’dan il-qasam. Il-proposta tal-proġett saret taħt l-SME Diversification and Innovation Grant Scheme. Dr Zrinzo Azzopardi stqarr li kważi 500 proġett ġew mgħejjuna permezz ta’ għotjiet taħt dawn l-iskemi, u aktar minn nofshom tlestew. Barra minn hekk, għad fadal madwar €6 miljun disponibbli minn total ta’ €32 miljun x’jingħataw għal proġetti ġodda taħt id-diversi skemi.

Is-Sur Patrick Fenech, il-proprjetarju ta’ din il-kumpanija, saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-iskemi għax joffru l-appoġġ meħtieġ lill-intraprizi żgħar, speċjalment fl-isfond tal-impatt li ħalliet il-pandemija fuq l-industrija tal-avjazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li s-simplifikazzjoni hija waħda mill-aspetti kruċjali biex jiġi żgurat li l-potenzjal tal-fondi Ewropej jiġi massimizzat. Miżura oħra ta’ simplifikazzjoni taħt l-inizjattiva tal-Business Enhance ERDF Grant Schemes, li se tiġi mħabbra fil-ġimgħat li ġejjin għal proġetti żgħar li għalihom l-appoġġ pubbliku ma jaqbiżx il-€100,000, għandha l-għan li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-benefiċċjarji, sabiex tassigura li jinkisbu r-riżultati meħtieġa.

Ritratti: DOI

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com