Skultura Li Kienet Miżjuda Mal-Funtana Tat-Tritoni Ssib Postha B’Mod Eleganti Fi Qui Si Sana

 Skultura Li Kienet Miżjuda Mal-Funtana Tat-Tritoni Ssib Postha B’Mod Eleganti Fi Qui Si Sana

Dalgħodu, skultura mill-ifjen li kellha tkun parti mill-Funtana tat-Tritoni fil-Furjana, iddisinjata mill-artist ċelebri Malti Vincent Apap, sabet postha fi Ġnien Bonello Du Puis fi Qui Si Sana.

Propjament, din l-iskultura kienu żieduha mat-Tritoni bħala tiswija u tneħħiet fir-restawr li sar fl-2017 biex il-funtana tat-Tritoni reġgħet lura għall-istat oriġinali tagħha.

Fuq il-paġna tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema intqal li dan il-proġett kien possibbli bil-għajnuna tal-perit Edward Said flimkien mal-istaff tiegħu. Irringrazzjaw ukoll lill-MTIP u lil Kenneth Cauchi fi ħdan is-Superintendenza tal-Wirt Kulturali.

Vincent Apap kien artist magħruf anke għal bosta xogħlijiet li wettaq f’pajjiżna li bihom sebbaħ l-imkejjen; fosthom il-Funtana Tritoni (1959), il-bust ta’ Enrico Mizzi (1964) u l-istatwa ta’ Pawlu Boffa (1976). Għamel ukoll l-istatwa ta’ George Borg Olivier (1990).

Xogħlijiet oħra minn tiegħu jinkludi statwi fir-Rotunda tal-Mosta, fil-Knisja tal-Agostinjani fil-Belt Valletta, fil-Katidral tal-Imdina, fil-Bażilika ta’ San ġorġ f’Għawdex, fil-Bażilika ta’ Sant’ Elena f’Birkirkara u anke fil-parroċċa tal-Qawra u dik ta’ Ġesù Nazzarenu f’Tas-Sliema.

L-aħħar xogħol li wettaq kien il-bust tal-eks President ta’ Malta Guido de Marco li huwa lesta fl-età ta’ 89 sena.

Din l-iskultura, xogħol l-iskultur Ċensu Apap issa se sservi bħala mafkar lil Apap innifsu, wieħed mill-ġganti tal-arti modernista Maltija.

Nifirħu lill-Kunsill Slimiż li ħa inizjattiva bħal din.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com