Titnieda l-‘iSpot the Tree Challenge’ l-Esplora – Tafu X’inhu L-Użu Tagħha?
Tnediet il-GLOBE Observer App li tippermetti ċittadini jiġbru data mis-siġar biex tgħin lix-xjentisti jikkomparaw u jivvalidaw id-data miġbura mis-satelliti, nhar l-Erbgħa 6 t’Otturbru, l-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, il-Kalkara, Malta.
Il-GLOBE Observer App tnediet bħala parti minn inizjattiva bejn l-Esplora fi ħdan il-Ministeru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, GLOBE Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u L-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta, li tikkontribwixxi sforzi biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. L-ispot tress challenge tinkuraġġixxi ċittadini jinnotaw siġar madwar il-gżejjer Maltin u jimmarkawhom billi jkejlu t-tul tagħhom bl-użu tan-NASA Observer App.
Waqt li kien qed jindirizza konferenza stampa, l-Onorevoli Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qali li: “Permezz ta’ din l-isfida proposta minn din il-kollaborazzjoni, mhux biss qed nimmiraw biex ninkoraġġixxu tfal tal-iskola sabiex jidħlu għax-xjenzi u jipparteċipaw fihom, iżda wkoll biex inrawmu fihom aprezzament lejn in-natura u nżidu l-għarfien dwar l-importanza tas-siġar fl-ambjent tagħna. L-għan tagħna huwa li nżidu s-sens ta’ risponsabiltà u l-akkontabiltà għall-ħarsien tal-ambjent naturali mal-ġenerazzjoni żagħżuha tagħna.”
Iċ- Chargé d’Affaires tal-Istati Uniti Gwendolyn Green qalet: “ Ninsab verament kuntenta li qed nikkollaboraw f’dan l-isforz kollettiv bejn L-Esplora, u GLOBE Malta. L-Ambaxxata tal-Istati Uniti laqqgħet lil dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet eċċellenti fil-bidu nett u aħna kburin li qed naraw din il-konnessjoni tikkrea inizjattiva impressjonanti li se tikkontribwixxi lejn il-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima.”
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li: “L-okkażjoni tal-lum hija ċelebrazzjoni tal-isforzi kollaborattivi bejn l-Esplora, GLOBE Malta u l-Ambaxxata tal-Istati Uniti tal-Amerka f’Malta. Huwa verament pjaċir tagħna li se nieħdu sehem u nagħtu appoġġ lil dan il-progett li se jkun qed jinkoraġġixxi lic-ċittadini biex jieħdu sehem fir-riċerka. Wieħed mill-għanijiet tal-Esplora huwa li jrawwem ir-relazzjoni u jtejjeb il-komunikazzjoni bejn ir-riċerkaturi u ċ-ċittadini. Mod wieħed kif jista’ jsir dan huwa billi ċ-ċittadini jinvolvu ruħhom direttament mar-riċerkaturi, bħal per eżempju, billi jiġbru data. Aħna nemmnu li ċ-ċittadini għandhom rwol importanti biex nindirizzaw l-isfidi għal futur sostenibbli. Huwa billi ‘nagħmlu x-xjenza flimkien’ li nistgħu niksbu riżultati aħjar fejn ngħaqqdu ir-riżorsi, l-għarfien u l-ħiliet sabiex inqajmu kuxjenza, nibnu l-kapaċità u ideat innovattivi għas-soċjetà. Esplora toffri pjattaforma unika li jlaqqa’ r-riċerkaturi, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet sabiex jaħdmu flimkien għal għan wieħed.”
Huwa żied jgħid li “qed isiru sforzi kontinwi sabiex in-nies jinvolvu ruħhom fir-riċerka, bħal dik tal-Globe Challenge. Inizjattivi bħal dawn jgħinu sabiex tkompli titjieb il-perċezzjoni u l-attitudni tal-pubbliku lejn ix-xjenza.”
Kulħadd jista’ jipparteċipa f’din l-inizjattiva, familji, studenti, għalliema, adulti u anzjani. Ix-Xjenza hija aħjar meta nagħmluha flimkien. Meta jipparteċipaw f’din l-isfida, iċ-ċittadini se jkunu qed itejbu l-ħiliet ta’ osservazzjoni tagħhom u se jkunu qed jiffurmaw parti minn komunità globali ta’ xjentisti ċittadini u se jgħinu biex tinġabar data dwar il-tul tas-siġar li tista’ tintuża min-NASA u xjentisti ta’ GLOBE li qed jiskopru aktar dwar l-importanza tas-siġar.
Prof. Paul Pace, Associate Professor mill-Edukazzjoni għall-iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta qal li: “Jeżistu żewġ forom ta’ edukazzjoni fix-Xjenza: Li wieħed ikun jaf DWAR ix-Xjenza u li wieħed JAGĦMEL ix-Xjenza. Li TAGĦMEL ix-Xjenza jinvolvi li l-istudenti jiġu preżentati b’sitwazzjonijiet relevanti għall-esperjenza tagħhom b’mod li trawwem fihom moħħ li jistaqsi u jinvestiga tant li jesploraw modi diversi u kreattivi biex jindirizzaw is-sitwazzjoni li jkollhom quddiemhom. Li TAGĦMEL ix-Xjenza jfisser li tevalwa soluzzjonijiet proposti b’mod kritiku u takkwista għarfien minn diversi dixxiplini. Fi ftit kliem: wieħed jitgħallem jantiċipa dak li jista’ jiġri u jkun kapaċi jiffaċċja bidla f’kuntesti/aspetti differenti tal-ħajja. Permezz tal-attivitajiet interdixxiplinari hands-on, GLOBE tipprovdi l-opportunità lill-istudenti u lill-pubbliku sabiex jikkontribwixxu b’mod attiv lejn l-għarfien li għandu l-bniedem dwar id-Dinja fuq skala lokali, reġjonali u globali.
Permezz ta’ GLOBE, l-istudenti Maltin qegħdin jkunu involuti f’investigazzjonijiet dwar problemi li jittrattaw l-ambjent lokali u ħarġu b’riżultati u konklużjonijiet li kisbu tifħir u rikonoxximent internazzjonali… u saħansitra kienu r-raġuni li bdiet riċerka f’Università barra minn Malta. Ninsab konvint li b’din is-sħubija ma’ Esplora, GLOBE Malta kisbet sieħeb strateġiku biex jgħin fit-tfittxija tagħha sabiex tagħmel ix-xjenza aktar aċċessibli.”
Tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, tant inħarqu fossil fuels li ġie rrilassat ħafna Dijossidju tal-Karbonju fl-arja, li t-temperatura tad-Dinja għoliet ħafna. Teżisti problema tal-karbonju, u jekk ma jsir xejn dwarha, id-Dinja ser issir aktar sħuna. Jekk wieħed jaħseb dwar is-siġar bħala sink, permezz ta’ proċess naturali, is-siġar jistgħu jieħdu d-dijossidju tal-karbonju mill-arja u jużawh biex jikbru! Aktar ma jkun hemm siġar,
aktar jikkumpensaw għad-dijossidju tal-karbonju li jkun qed joħroġ mill-fossil fuels li jkun qed jagħmel ħsara. Dan ifisser li mhux biss il-fossil fuels iridu jinbiddlu għal forom alternattivi ta’ fuel iżda wkoll għal siġar ġodda u foresti li jridu jinżraw sabiex inpattu għal dak li deġa ġie rilassat. Iżda s-siġar ġodda u l-foresti jieħdu deċenji biex jikbru. Dan ifissir li s-siġar eżistenti jridu jiġu apprezzati u protetti.
Aġenziji Spazjali bħan-NASA jużaw satelliti biex jiġbru d-data mis-siġar madwar id-dinja, mill-istruttura tagħhom u t-tul tagħhom, kif jiċċaqlaq il-karbonju fl-ekosistema. L-għoli tas-siġar jgħin xjentisti jkejlu kemm hemm karbonju maħżun fis-siġra. Iċ-ċittadini kollha jistgħu jipparteċipaw f’din l-isfida billi titniżżel l-app minn: https://observer.globe.gov/de/about/get-the-app