Tkompli R-Riforma Tas-Settur Tal-Bini U L-Kostruzzjoni

 Tkompli R-Riforma Tas-Settur Tal-Bini U L-Kostruzzjoni

L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qed tkompli taħdem biex tirriforma l-industrija tal-kostruzzjoni. L-għan ewlieni huwa li l-industrija tkun msaħħa u ssir aktar sostenibbli sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja u tipprovdi serħan tal-moħħ lill-familji kollha.

L-Awtorità twaqqfet riċentement bil-għan li tiżgura li jiġu mħarsa r-regolamenti tal-bini, timplimenta prattiċi ta’ konformità u tagħti servizz effiċjenti liċ-ċittadin. Din l-Awtorità għandha l-obbligu li tippromwovi l-industrija tal-kostruzzjoni li kontinwament qed tevolvi.

Il-kuntratturi u l-iżviluppaturi huma element importanti f’dan is-suq li jħaddan din il-bidla. Bi tħejjija għal eventwali liċenzjar ta’ kuntratturi, beda proċess ta’ reġistrazzjoni permezz ta’ sit ta’ ġbir ta’ tagħrif.

Dan qed isir biex tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni fl-industrija. L-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ tagħrif huwa maħsub biex l-Awtorità jkollha stampa ċara ta’ dak li qed jiġri fl-industrija u b’hekk tkun tista’ tipprovdi proposti realistiċi u prattiċi.

Il-BCA ser tagħti prijorità lill-aġġornament tar-regolamenti u tiżgura li ċ-ċittadini jibbenefikaw minn serħan il-moħħ, speċjalment meta jkunu għaddejjin xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fil-viċinanzi tagħhom. Il-BCA qed tfassal ukoll l-ewwel Kodiċi Nazzjonali tal-Bini. Sa minn meta twaqqfet l-Awtorità, l-bord u l-eżekuttiv tagħha ħadmu fuq l-istrateġija u l-pjan t’azzjoni li se jwasslu għat-trasformazzjoni sostenibbli tal-industrija fis-snin li ġejjin.

Diversi miżuri diġà ġew introdotti aktar kmieni din is-sena u dawn jinkludu; skrutinju relatat ma’ method statements, żieda fin-numru ta’ spetturi, servizz ta’ customer care aktar effiċjenti u freephone ġdid biex jiġu rrappurtati rregolaritajiet.

L-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni tinvolvi bosta stakeholders u permezz tal-Bord il-ġdid tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, li jirrappreżenta speċjalisti, stakeholders u membri tas-soċjetà, l-Awtorita’ ser tkompli l-ħidma biex ikun żgurat li dan is-settur ikun konformi mal-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u jinżamm livell għoli ta’ standard fl-industrija.

“Fl-aħħar mill-aħħar, l-Awtorità għandha l-għan li tkun il-katalista għat-trasformazzjoni tas-settur, bl-industrija nnifisha tmexxi l-bidla u taħtaf l-opportunitajiet li għandha quddiemha u li essenzjalment għandhom iwasslu għal bini aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-BCA Karl Azzopardi. Kuntratturi huma mħeġġa jidħlu fis-sit tal-BCA sabiex jipparteċipaw https://bca.org.mt/registration-for-licensing-mt.

Ritratt: Facebook / BCA

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com