Tliet Persuni Arrestati Wara Sejba Ta’ Ħames Kilos Droga B’Valur Ta’ €600,000

 Tliet Persuni Arrestati Wara Sejba Ta’ Ħames Kilos Droga B’Valur Ta’ €600,000

Wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonjiet fuq persuni li jagħmlu parti minn ċirku internazzjonali tat-traffikar ta’ droga, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga arrestat tliet persuni u waslet ukoll għas-sejba ta’ madwar ħames kilos droga suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ kważi €600,000.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-ewwel arrest sar is-Sibt, fejn Spanjola ta’ 20 sena kienet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mal-wasla tagħha minn Madrid u fil-pussess tagħha nstabet sustanza suspettata kokaina.

Il-Pulizija kompliet bil-ħidma tagħha matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd u wara osservazzjonijiet fuq raġel ta’ 30 sena minn Venezwela, u li kien għadu kemm jasal Malta b’titjira minn Madrid ukoll, ġie segwit sa appartament fl-Imsida u ġie arrestat.

L-investigazzjonijiet issoktaw b’osservazzjoni fuq lukanda f’San Ġiljan u lbieraħ ġie arrestat Spanjol ta’ 38 sena fejn instabet aktar droga suspettata kokaina.

Il-Maġistrat Dr Elaine Mercieca qed tmexxi inkjesta Maġisterjali.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja, filwaqt li ż-żewġt irġiel u l-mara se jitressqu l-Qorti llum quddiem Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com