Tliet Snin Ħabs U Multa Ta’ €4,000 Wara Li Nstab Ħati Li Ħebb U Darab Żewġ Uffiċjali Ta’ TM
Raġel dalgħodu kien ikkundannat tliet snin ħabs u multa ta’ €4,000 wara li nstab ħati li ħebb u darab żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta.
Clyde Farrugia ta’ 24 sena minn Naxxar deher quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud mixli li fi Frar tal-2020 kien attakka żewġ uffiċjali wara li dawn tawh ċitazzjoni waqt il-Karnival tan-Nadur.
L-uffiċjali qalu li dak in-nhar tard bil-lejl waqt li kienu qed jidderieġu t-traffiku fi triq il-Knisja, n-Nadur kienu marru tnejn fuqhom u bdew joffenduhom. Wieħed minnhom tefa’ ċ-ċitazzjoni f’ħalqu u beżaqha ħdejn saqajn l-Uffiċjali u telqu ‘l isfel.
Jidher li fl-istess triq aktar ‘l isfel kien weħel it-traffiku u niżlu jaraw. Huma u mixjin raw iż-żewġt irġiel li ftit qabel kienu offendewhom ma’ ċint ħdejn il-karozza li kienu taw ċitazzjoni. L-Uffiċjali rrakkontaw kif huma u telgħin lura fil-pront minn warajhom ħareġ wieħed mill-irġiel li kien liebes balaklava u ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ wieħed mill-Uffiċjali ta’ Transport Malta u meta l-kollega tiegħu mar iżommu, qabad jagħti lilu wkoll.
Wieħed mill-Uffiċjali kien irnexxilu jneħħi l-balaklava minn fuq wiċċ l-aggressur fejn umbad seta’ jagħrfu meta mistoqsi mill-Pulizija.
Clyde Farrugia ċaħad li kien hu li ħebb għall-Uffiċjali, u allega li huwa kien mar iferraq argument li kien inqala bejn l-Uffiċjali u bejn sieħbu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li Farrugia ma jistax jitwemmen għaliex kien hemm filmati li juru mod ieħor.
Il-Qorti fis-sentenza kellha kliem iebes ħafna kontra attakki bħal dawn fejn qalet li attakk fuq membru ta’ xi forza tal-ordni huwa attakk fuq is-soċjetà kollha.
L-uffiċjali tal-infurzar qegħdin hemm sabiex jipproteġu liċ-ċittadin u m’għandhomx jiġu mqiegħda f’sitwazzjoni li jibżgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkoreġu lill-individwu li ma jkunx qed jimxi skont il-liġi qal il-Maġistrat.