Waħda Mill-Aħħar Binjiet Antiki Fil-Bajja Tax-Xlendi Dalwaqt Tinbidel F’Blokka Appartamenti
Waħda mill-aħħar binjiet antiki li fadal fil-bajja tax-Xlendi ħa tkun qed tinbidel f’blokka appartamenti.
Dan il-permess ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar biex minflok ir-restorant popolari ‘The Boathouse’ jitilgħu ħames sulari ta’ appartamenti.
Bla dubju wara din id-deċiżjoni diversi nies ikkumentaw dwar din l-approvazzjoni.
Jason Micallef dalgħodu permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali qal li din hija “għarukaża, żviluppaturi b’viżjoni waħda; QERDA u ARROGANZA.”
“Nofs torri fuq il-ftit ramel u ċagħaq li għad fadal fuq dik li darba kienet il-bajja tax-Xlendi,” kompla jgħid Micallef, fejn temm jgħid li “tabilħaqq ‘djamant’ l-iżviluppatur wara din il-ħniżrija, ħafna wkoll.”
Fost il-ħafna kummenti li kitbu n-nies dwar dan l-iżvilupp kien hemm tal-Perit Chris Grech fejn argumenta li kull żviluppatur japplika biex jibni dak li tippermettilek l-policy.
Huwa qal ukoll li “l-Gvern irid ibiddel il-policy u allura t-tort intih lil min suppost jibdel il-policy biex jipproteġi dak li fadal minn dan il-pajjiż.”
Il-Perit Grech staqsa lill-Ministru Aaron Farrugia “meta se tibdlu policies biex is-salvaw li fadal?”