“Wara Dan Iż-Żmien Kollu Konrad Mizzi Għadu Qed Jaħrab” – Il-Kap Tal-PN Bernard Grech
“Wara dan iż-żmien kollu, Konrad Mizzi għadu qed jaħrab,” hekk kiteb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li llum Konrad Mizzi naqas milli jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.
Grech qal li Konrad Mizzi kien wieħed mill-ewwel ismijiet li nkixfu minn Daphne Caruana Galizia fil-Panama Papers, u l-membru tal-Gvern involut f’numru ta’ skandli kbar u serji kemm ilu li ġie elett.
“Ma weriex rispett lill-poplu wara li ffirma diversi ftehim li swew lill-poplu l-miljuni, u għadu sal-lum ma jurix rispett lejn l-għola istituzzjoni tal-pajjiż billi issa saħansitra rrifjuta li jidher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi,” kompla jisħaq Il-Kap tal-PN Bernard Grech fil-messaġġ li kiteb fuq il-mezzi soċjali.
Huwa temm jgħid li Konrad Mizzi huwa dak kollu li m’għandux ikun politiku denju li jirrappreżenta poplu.
Il-kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius ukoll kiteb messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu dwar dak li ġara llum.
“Dan il-ħalliel ma jridx jagħti rendikont!” qal Peter Agius lil Konrad Mizzi, filwaqt li kompla jgħid li “sadanittant eluf ta’ ħaddiema u professjonisti qed iħallsu għall-ħniżrijiet tiegħu.”
Peter Agius għamel referenza ta’ lista ta’ multi li l-FIAU ħarġet fosthom fuq Nutara, Estate Agents, Bankiera, Accountants etc…”dawn għaddejjin martirju b’multi ta’ 60 elf jew aktar għall-anqas żvista,” qal Agius filwaqt li saqsa “U KONRAD MIZZI fejn hu? Lanqas għandu d-deċenza jidher il-Parlament! U l-Labour jibqa jipproteġih!” Temm jgħid il-Kelliem tal-PN Peter Agius.