Żewġ Kandidati Ġodda Għas-Saċerdozju
Żewġ seminaristi fil-ħames sena ta’ preparazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof se jitolbu lill-Arċisqof Charles Jude Scicluna biex jaċċettahom bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Din iċ-ċelebrazzjoni ser issir nhar it-Tnejn, l-1 ta’ Novembru 2021, waqt il-quddiesa f’Jum il-Qaddisin Kollha fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-6:30 p.m.
Malcolm Saliba mill-Parroċċa ta’ Santa Marija, Ħ’Attard, u Karl Andrew Schembri mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, il-Mellieħa, ser jistqarru pubblikament ir-rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill-Knisja biex iservu bħala saċerdoti.
Filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, Mons. Arċisqof, f’isem il-Knisja, ser ikun qed jitlobhom biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.
Il-komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn iż-żewġ kandidati għas-saċerdozju.