Żieda Lill-Pensjonanti Kollha B’€5 Fil-Ġimgħa Li Tista’ Tiżdied Bil-Benefiċċju Supplimentari
Propju l-ewwel miżura li ħabbar il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana kienet fil-qasam soċjali.
Huwa qal li l-Gvern ser jkun qed iżid lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali b’€24 miljun.
Il-Ministru Caruana ħabbar li “95,000 pensjonant tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni mhux kontributorja tal-età ser jibbenefikaw minn żieda ta’ €260 fis-sena jew €5 fil-ġimgħa li minnhom €1.75 huma ż-żieda għall-għoli tal-ħajja u €3.25 hija ż-żieda addizzjonali.”
Il-Ministru ħabbar ukoll li ser jkunu qed tiżdied l-għajnuna supplimentari għal dawk kollha li jirċievu dan il-benefiċċju jiġifieri pensjonanti, anzjani u anke persuni li jistgħu jkunu f’impjieg jekk ma jkollhomx tfal taħt is-16-il sena.
Dan ifisser li persuni miżżewġa jew koppji li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€14,318 ser ikunu qed jirċievu żieda fil-benefiċċju li tvarja bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa skont id-dħul tagħhom.
Persuni waħidhom, inkluż romol, li d-dħul tagħhom fl-2022 ma jaqbiżx l-€10,221 ser jieħdu żieda ta’ bejn €4.10 u €5.00 fil-ġimgħa.
“Dan ifisser li ħafna pensjonanti ser jaraw żieda ta’ ’l fuq minn €500 fis-sena” tenna l-Ministru Caruana.