Żviluppata App Li Tikkontrolla Sodod Motorizzati Bis-Sinjali Diretti Tal-Moħħ

 Żviluppata App Li Tikkontrolla Sodod Motorizzati Bis-Sinjali Diretti Tal-Moħħ

BrainApp proġett innovattiv li implimenta sistema ta’ Brain Control Interface (BCI) biex jikkontrolla sodda motorizzata permezz tas-sinjali diretti tal-moħħ. Din is-sistema tista’ tagħti possibiltajiet aħjar lil dawk li jeħtieġu għajnuna minħabba li għandhom limitazzjonijiet fil-movimenti tal-idejn, il-kapaċità li jkunu indipendenti u jtejbu l-kwalità tal-għixien tagħhom. Din l-innovazzjoni se tagħti mezz ta’ kontroll alternattiv għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna biex jużaw touch screens, u interfaces standard oħra bħal remote controls.

Il-finanzjament miksub permezz tal-Fusion Technology Development Programme tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) b’somma ta’ madwar 200,000€ ippermetta tim ta’ inġiniera fl-Università ta’ Malta u kumpanija lokali tas-software 88 tiżviluppa il-pjattaforma BrainApp.

Waqt avveniment tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku li sar fl-EsploraPlanetarium, fiċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva tal-Esplora, fil-Kalkara, l-Onorevoli Owen Bonnici, Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qal: “Konsorzji bħal dawn bejn is-setturi pubbliċi u privati ​​huma fundamentali għat-twettiq ta’ proġetti ta’ riċerka li jistgħu jagħtu lok għal soluzzjonijiet ġodda u innovattivi għall-isfidi ta’ kuljum li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi. Illum, mhux biss qed naraw il-kisba ta’ proġett ieħor ta’ riċerka eċċellenti, iżda qed naraw ukoll it-tkabbir kostanti tar-riċerka lokali, ix-xogħol u l-impenn tar-riċerkaturi Maltin u l-industrija tagħna biex ikomplu bl-isforzi tagħhom fil-ħolqien ta’ ekosistema b’saħħitha ta’ innovazzjoni flimkien.”

Permezz ta’ stimoli viżwali li jidhru fuq apparati kompjuterizzati, bħal screns, wieħed jista’ jagħżel minn sett ta’ funzjonijiet b’kontroll mis-sodda. Is-sistema kontinwament tirreġistra l-attività tal-moħħ ta’ min ikun qed jużaha, tipproċessaha biex tiddetermina liema stimolu kien meħtieġ minn dak li kien qed jużaha, u tattiva l-funzjoni korrispondenti tas-sodda. It-tim wara BrainApp indirizza diversi diffikultajiet prattiċi fil-qasam tas-sistemi tal-Brain Computer Interface, użati biex jikkontrollaw apparat esterni. Speċifikament, it-tim elimina il-bżonn tat-training preliminarju sabiex tiġi rrekordjata data speċifika qabel ma tintuża l-BCI. Minflokk żviluppaw qafas biex dan jiġi rrekordjat waqt li wieħed ikun qed juża s-sistema. Din toffri soluzzjoni aktar prattika u esperjenza aktar rikka għal min qed jużaha.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal: “Dalgħodu stajna naprezzaw il-kisbiet eċċezzjonali ta’ dan il-grupp ta’ innovaturi, inġiniera, teknoloġisti, u intraprendituri li laħqu quċċati ġodda fil-qasam tal- interfaces tal-kompjuters mal-moħħ.  Kellna l-privileġġ li nifhmu aħjar l-impatt tal-prototip BrainAPP, sistema bbażata fuq sinjali gejjin mill-moħħ, li faċilment nistgħu nikkomunikaw biha fil-futur.”

Dr Pullicino Orlando, kellu kliem ta’ tifħir għall-benefiċjarji tal-proġett, id-Dipartiment tas-Sistemi u l-Inġinerija tal-Kontroll, Control Engineering, iċ-Ċentru għaċ-Ċibernetika Bijomedika fl-Università ta’ Malta, u l-imsiebaħ industrijali Malti 88, għall-kontribuzzjoni tagħhom u għat-tisħiħ fil-ħiliet fis-settur tal-ICT.”

Dr Tracey Camilleri, il-persuna li mexxiet il-proġett BrainApp, qalet: “It-tim li ħadem fuq il-proġett għamilha possibli għal persuna li jikkontrolla sodda motorizzata bl-użu tas-sinjali tal-moħħ dirett, soluzzjoni li tagħti individwi b’limitazzjonijiet fil-movimenti ta’ l-idejn, mod alternattiv ta’ kif jikkontrollaw apparat fl-ambjent li jgħixu fih. Dan ix-xogħol huwa avvanz fil-qasam ta’ l-iġinerija biomedika, għax-indirizza aspetti prattiċi fl-iżvilupp ta’ sistemi li joħolqu komunikazzjoni bejn il-moħħ u l-kompjuter.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com