1000 Messaġġ Ta’ Tama Mqassma Mit-Tfal Fil-Belt Valletta U R-Rabat
“X’tagħmel li kieku tifel ta’ 11-il sena ma tafux minn Adam jersaq joffrilek biċċa ħelu mgeżwra f’nota?”
Din kienet inizjattiva sabiħa ferm li Clifford Zahra Fenech għamel mal-istudenti tal-iskola, fejn flimkien ippreparaw 1000 messaġġ ta’ tama marbuta ma’ biċċa ħelu.
Fost il-messaġġi kien hemm miktuba, “Il-maltemp mhux għal dejjem. Għad jibbnazza wkoll.” “Tbissima ma tiswiex flus.” jew “Għada jisbaħ ukoll.” Dawn kienu fost il-messaġġi pożittivi li tqassmu lbieraħ lin-nies ġewwa t-toroq tal-Belt Valletta u tar-Rabat.
Clifford Zahra Fenech f’messaġġ fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li din kienet “esperjenza mill-isbaħ għall-istudenti tagħna daqskemm għall-bosta Maltin u barranin li kienu għaddejjin minn hemm f’dawk il-ħinijiet. Kemm hu sabiħ li tkun tista’ toffri t-tama lil dak li jkun filwaqt li ġġiegħlu jirrealizza li kulħadd għaddej minn xi saram jew ieħor.”
Huwa temm jgħid li “dawn l-esperjenzi, ‘il bogħod mill-ambjent magħluq tal-klassi, ikomplu jżidu l-kunfidenza fl-istudenti filwaqt li jagħmluna daqsxejn iktar umani f’dinja mill-aktar mgħaġġla.”
Prosit tal-inizjattiva!