140 Student Teacher Ħa Jkunu Qegħdin Jibdew Jgħallmu Fl-Iskejjel Biex Jipprattikaw Il-Mestier Tagħhom

 140 Student Teacher Ħa Jkunu Qegħdin Jibdew Jgħallmu Fl-Iskejjel Biex Jipprattikaw Il-Mestier Tagħhom

“It-taħditiet li għaddejjin mal-Malta Union of Teachers qed iħallu riżultati pożittivi biex tkun solvuta s-sitwazzjoni tal-ftit klassijiet li baqa’ li minħabba direttivi għadhom bla edukatur.”

Dan ntqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni wara li lbieraħ is-Segretarju Permanenti Frank Fabri kien ikkritikat mill-UPE wara diversi tibdil li sar fl-aħħar ħinijiet qabel l-għalliema studenti jibdew bil-prattika tagħhom fil-klassijiet.

Fl-istqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li d-djalogu bejn il-partijiet kollha jwassal għal soluzzjoni u jappella li dan għandu jsir minn kull union biex inkomplu nagħtu prijorità lill-edukazzjoni u l-ġid tal-istudenti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet ukoll li din il-ġimgħa ffirmat 140 warrant ta’ studenti tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta li se jgħallmu fl-iskejjel ħalli jakkwistaw il-prattika fil-mestier tagħhom. Tenniet li għall-ewwel darba, din is-sena, dawn l-istudenti qed jingħataw ukoll ħlas ta’ €825.60 għal min għandu 4 ġimgħat ta’ prattika u €1,032 għal dawk li jagħmlu 8 ġimgħat ta’ prattika.

Intqal li l-10 studenti universitarji li ġew assenjati klassijiet tal-primarja ngħataw l-istess year group biex xogħol preparatorju li għamlu ma jintilifx.

Intant, intqal ukoll li l-ħidma biex aktar studenti jidħlu għall-kors tal-edukazzjoni wkoll qed tħalli riżultati pożittivi tant li kien hemm żieda ta’ applikazzjonijiet għal dan il-kors li huwa preskritt.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jtenni l-impenn mhux biss biex kull klassi jkollha l-edukatur tagħha fl-iqsar żmien possibbli, imma biex kull student jingħata edukazzjoni li għandu dritt għaliha u l-edukaturi jkollhom l-aqwa opportunitajiet fil-ħidma sfiqa tagħhom.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com