29 Entità U Kumpanija Lokali Temmew Programm Kontra L-Vizzji U Li Jippromwovu Kwalità Ta’ Ħajja Aħjar
Disgħa u għoxrin entità u kumpanija lokali ngħataw rikonoxximent talli temmew b’suċċess il-programm S.A.F.E (Substance Abuse-Free Employees Programme), mogħti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali – programm li jiffoka fuq l-għarfien kontra l-vizzji tad-droga u l-alkoħol u kif dawn jistgħu jkunu ta’ detriment kemm għall-persuna kif ukoll għall-post tax-xogħol innifsu.
Din iċ-ċerimonja saret fil-preżenza tal-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti u diversi professjonisti li jmexxu l-programm S.A.F.E.
Il-programm S.A.F.E ilu jingħata għal dawn l-aħħar 25 sena, u l-għan ta’ dan il-programm huwa li jinfirex mal-pajjiż kollu. Minbarra l-għarfien kontra l-vizzji tad-droga u l-alkoħol, saru wkoll lezzjonijiet dwar it-teknoloġija, il-bullying, il-logħob tal-azzard, il-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol u stress management.
Tul dawn l-aħħar 25 sena, dan il-programm ġie implimentat fi 334 kumpanija madwar Malta u Għawdex, u ntlaħqu aktar minn 28,748 parteċipant. Il-ħaddiema li temmew dan il-programm b’suċċess ivarjaw minn sidien ta’ kumpaniji, managers u ħaddiema li jwettqu xogħol manwali, fost oħrajn.
Il-Ministru Michael Falzon qal li l-gvern qed ikompli jinvesti bis-sħiħ sabiex jindirizza l-problemi marbuta mal-vizzji, u spjega kif dan il-programm huwa wieħed li jipprevjeni iktar milli jsolvi l-problema nnifisha. Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi kompla jissaħħaħ l-investiment fl-FSWS, tant li matul is-sena d-dieħla se ssir investiment ta’ €29 miljun.
Il-Ministru Michael Falzon qal ukoll li matul din is-sena saru investimenti fiċ-Ċentru għas-Servizzi ta’ Rijabilitazzjoni Residenzjali – Komunità Santa Marija f’Ħal Farruġ, fejn sar l-upgrading u r-rinovar tat-tielet fażi taċ-ċentru. F’din il-fażi, min isegwi l-programm ta’ rijabilitazzjoni jkun wasal biex jintegra lura fis-soċjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti stqarr li l-fondazzjoni talloka ’l fuq minn €900,000 fis-sena fuq prevenzjoni kontra l-vizzji. Minkejja dan, l-infiq fuq kura tal-vizzji huwa aktar mid-doppju li ssir fuq prevenzjoni, u għalhekk il-ħtieġa ta’ aktar għarfien u programmi bħal dawn.
“Irridu naraw li din il-ħidma tinfirex, sabiex nassistu bl-aqwa mod possibbli dawk il-persuni li għandhom diffikultajiet b’rabta mal-użu tad-droga. B’hekk, tingħata l-għajnuna meħtieġa fil-ħin, u mhux naslu sal-punt li ħaddiema jispiċċaw jitilfu xogħolhom,” stqarr il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti.
Intant, matul is-sena 2020 kien hemm 19,082 service users li ġew bżonn assistenza mill-FSWS, filwaqt li sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, diġà kien hemm irrappurtati 16,046 każ.
Ritratti: DOI