Titnieda Konsultazzjoni Pubblika Dwar Fondi Ewropej Għall-Qasam Agrikolu
F’laqgħa tal-MCESD, fil-preżenza tal-Ministru Carmelo Abela u l-imsieħba soċjali, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta dokument għall-konsultazzjoni pubblika rigward l-ipprogrammar tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għall-perjodu 2023-2027.
Dan il-pjan se jkompli jibni fuq it-tipi u x-xejriet ta’ appoġġ li kienu offruti taħt miżuri, ħlasijiet diretti u skemi preċedenti tal-PAK. F’konformità mar-regolamenti l-ġodda Ewropej għal dan il-perjodu, il-Pjan Strateġiku tal-PAK għal Malta se jappoġġja t-tliet għanijiet ġenerali deskritti fil-qafas regolatorju li jirrigwardaw:
- It-trawwim ta’ settur agrikolu intelliġenti, kompetittiv, reżiljenti u diversifikat, li jiżgura s-sigurtà tal-ikel fit-tul;
- L-appoġġjar u t-tisħiħ ta’ protezzjoni ambjentali, inkluż il-bijodiversità u l-azzjoni dwar il-klima, kif ukoll kontribuzzjoni għall-kisba tal-objettivi tal-klima u ambjentali tal-Unjoni, inklużi l-objettivi taħt il-Ftehim ta’ Pariġi; u
- Tisħiħ tan-nisġa soċjoekonomika taż-żoni rurali.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela rrimarka li hekk kif Malta rnexxielha tikseb pakkett finanzjarju b’saħħtu għall-Programm ta’ Fondi 2021-2027—pakkett ta’ aktar minn żewġ biljun ewro—u hekk kif pajjiżna għaddej minn żmien ta’ rkupru mill-pandemija, irridu naraw li l-fondi Ewropej jiġu allokati u minfuqa bl-aktar mod tajjeb u skont il-miri ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr ukoll li l-investimenti proposti għandhom jimmiraw li jipprovdu riżorsi adegwati biex jissodisfaw it-talbiet futuri, inklużi l-objettivi ambjentali u klimatiċi, teknoloġiji ġodda u diġitalizzazzjoni, dħul ġust għall-bdiewa u l-ħaddiema, it-titjib tal-kundizzjonijiet rurali, u t-titjib tar-reżiljenza tal-irziezet.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq dwar l-impenn tal-Gvern li jalloka fondi taħt il-qasam tal-Argikoltura għal Għawdex, il-Pjan se jindirizza l-bżonnijiet tas-settur tal-agrikoltura f’Għawdex billi se jiġu allokati 10% tar-riżorsi tiegħu lill-gżira Għawdxija.
Ritratt: DOI