Aġġornat: Id-Deputat Speaker Tilqa’ Il-Mozzjoni Tal-Oppożizzjoni U Jsir Dibattitu Ta’ 34 Minuta
Il-Parlament illejla ddiskuta b’urġenza l-imġieba tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, wara li fil-bidu tas-seduta tal-lum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ressaq mozzjoni biex il-Kamra tad-Deputati tiddiskuti din il-materja.
Fid-deċiżjoni tagħha, id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg qalet li wara li s-sedja kkonsultat mal-konsulent legali tal-Parlament hija ħadet id-deċiżjoni li “taħt iċ-ċirkostanzi s-suġġett huwa ta’ urġenza definit ta’ importanza pubblika,” u għalhekk laqgħet il-mozzjoni.
Id-Deputat Speaker Claudette Buttigieg, tat ir-ruling li fih iddeċidiet li ż-żewġ naħat tal-Kamra jingħataw 17-il minuta kull wieħed biex jiddiskutu din il-kwistjoni. L-Ispeaker irrikuża ruħu milli jagħti ruling hu minħabba li l-kwistjoni kienet titratta lilu.
Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Gvern ġab lill-Parlament “farsa” bil-Ministri ma jkunux fil-parlament biex jirrispondu l-mistoqsijiet. Il-Backbenchers tal-Gvern ukoll suppost jagħmlu skrutinju fuq il-Ministru iżda dawn kollha “inxtraw” billi tpoġġew chairman ta’ xi awtorità u jdaħħlu paga iktar mill-Ministru.
Il-Kap tal-PN sostna, li l-ittra ffirmata minn avukat li l-Ispeaker bagħat lil Matthew Caruana Galizia kkonfermat li l-Ispeaker ma fehemx lir-rwol kostituzzjonali tiegħu. Fl-ittra tiegħu l-Ispeaker qal ukoll li qed jiddefendi l-interessi tal-Gvern; dan imur kontra l-ispirtu tal-ġurament ta’ lealtà li ħa l-istess Speaker.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla jgħid li fl-aħħar xhur l-Ispeaker ivvota diversi drabi u ta’ rulings biex iddefenda lilll-Gvern fil-każ tal-konsulenza tal-eks Ministru Konrad Mizzi, fil-każ tas-senserija ta’ Deputat Laburista, użu ta’ fondi pubbliċi minn Ministri tal-Gvern u f’każi ta’ ksur tal-Kodiċi ta’ Etika.
Grech akkuża lill-Ispeaker li qed idgħajjef l-istituzzjoni tal-Parlament u anke l-irwol tiegħu stess tant li jgħid illi fejn kien hemm ksur ta’ etika l-Ispeaker qed jagħżel li jxekkel il-ħidma tal-Kummissarju tal-Istandards.
Il-Kap tal-PN kompla li jinsab skandalizzat b’dak li qed iseħħ fil-parlament.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fid-diskors tiegħu ippropona li l-Kumitat tal-Istandards m’għandux ikun presedut iżjed mill-Ispeaker iżda floku tinħatar persuna b’vot ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari. Spjega li għandu jkun hemm żewġ membri oħra jirrappreżentaw lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru wieġeb billi qal li l-Gvern jirrispetta l-istituzzjonijiet anki meta ma jaqbilx mad-deċiżjoni mogħtija minnhom. Huwa qal li kien hemm 35 ruling li ngħataw kontra l-Gvern.
Robert Abela tkellem dwar l-ammont ta’ riformi u liġijiet li ressaq il-Gvern fl-aħħar xhur, fost l-oħrajn il-bidla fil-ħatra tal-Prim Imħallef, il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-iskrutinju fil-parlament. Hu qal li l-Ispeaker ivvota favur li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar Rosianne Cutajar jkun adottat.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-Parlament irid jibqa’ jaħdem b’mod effettiv u mhux b’manuvri ta’ politika partiġġjana. “Ma niġux hawn għal-logħob partiġġjan. Niġu hawn biex niksbu r-riżultati għan-nies, u niksbuhom qabel mistenni. Biex pajjiżna jerġa’ jilħaq il-livell t’attività, irnexxielna nilħqu l-livell t’attività li kellna qabel il-pandemija u sboqqnieha u għalhekk Sinjura President, fil-jiem u fil-ġimgħat li ġejjin f’dal-Parlament ser nibqgħu nġibu ’l quddiem riformi importanti, liġijiet b’saħħithom, liġijiet ambizzjużi biex nibqgħu nibnu lil Malta li rridu għal uliedna.”