Aktar Minn 1,800 Post Vakanti Għall-Istudenti Fl-Iskejjel Tal-Knisja

 Aktar Minn 1,800 Post Vakanti Għall-Istudenti Fl-Iskejjel Tal-Knisja

Ir-regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika 2022-2023 ser jiġu ppubblikati għada t-Tlieta 16 ta’ Novembru 2021, fuq il-websajt tal-Arċidjoċesi ta’ Malta www.knisja.mt. B’kollox ser ikun hemm 1,848 post vakanti għall-istudenti (1,596 f’Malta u 252 f’Għawdex). L-applikazzjonijiet se jsiru kollha online. L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ jsiru bejn it-23 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2021. L-applikazzjonijiet ta’ ‘Applikanti l-Oħra’ jintlaqgħu bejn l-1 u l-14 ta’ Frar 2022. Il-lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u dettalji oħra huma mniżżla fir-regolamenti.

Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. Din is-sena hemm ukoll dħul fir-raba’ sena primarja fl-iskola tal-bniet ta’ St Monica, il-Gżira. L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Malta jinkludu tfal li huma fi djar tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja u tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom, transfers bejn skejjel tal-istess entità reliġjuża, u tfal li qegħdin fi skejjel tal-Knisja bla kontinwità.

Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il-każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l-għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil. Il-każijiet serji jsegwu proċess parallel għall-applikazzjonijiet l-oħra.

Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex jiddetermina d-dħul fl-ewwel sena kindergarten u fl-ewwel sena sekondarja. L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Għawdex jinkludu tfal li qegħdin fis-sitt sena primarja fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom, każijiet soċjali, każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil, applikanti mill-Għasri, u applikanti għal St Francis Nadur Kindergarten. Applikanti li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ LSE ta’ dawn il-kriterji japplikaw fuq l-istess regolamenti.

In-numru ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta għas-sena skolastika 2022-2023 huwa kif ġej:

In-numru ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għas-sena skolastika 2022-2023 huwa kif ġej:

Għas-sena skolastika preżenti (2021-2022), is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija rċieva 3,698 applikazzjoni għal 1,701 post vakanti f’diversi livelli tad-dħul għal skejjel f’Malta. Għal darb’oħra, it-talba kienet aktar mid-doppju tal-postijiet disponibbli fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta. Is-Segretarjat irċieva wkoll 300 applikazzjoni għal 244 post vakanti għall-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. Il-poloz u l-għażla tal-iskola saru online.

Ritratt: Knisja.mt

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com