Aktar Minn 200 Negozju B’Offerti Speċjali Għall-Black Friday Ta’ Din Is-Sena

 Aktar Minn 200 Negozju B’Offerti Speċjali Għall-Black Friday Ta’ Din Is-Sena

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, flimkien mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, nieda edizzjoni oħra ta’ Black Friday li din is-sena se ssir il-Ġimgħa 26 ta’ Novembru. Il-Ministru Schembri laqa’ din l-inizjattiva tal-Malta Chamber of SMEs u għal din is-sena hemm madwar 200 negozju li se joffru offerti speċjali fl-edizzjoni ta’ Black Friday.

Il-Ministru Schembri ħeġġeġ lin-negozji biex minn issa jibdew joħorġu bl-offerti tagħhom u fakkar li f’dinja globalizzata tal-lum, il-kompetizzjoni mhix biss lokali iżda wkoll internazzjonali, għalhekk tajjeb li wieħed jaħtaf l-opportunità li joffri dan il-perjodu. Ħeġġeġ ukoll lill-konsumaturi biex jixtru lokalment.

“Black Friday huwa jum li jiġġenera qligħ tajjeb għan-negozju u huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li ħafna negozji, permezz ta’ dan il-jum, jagħlqu s-sena fuq nota aktar pożittiva. L-edizzjoni tas-sena  li għaddiet nemmen li kienet kruċjali. F’perjodu qasir ta’ żmien, in-negozji żgħar u ta’ daqs medju kellhom jadattaw għaċ-ċirkostanzi. Ma nistgħux ma niftakrux li ċ-ċirkostanzi tas-sena l-oħra kienu differenti, b’restrizzjonijiet fuq id-distanza soċjali fis-seħħ, li rriżultaw f’attività fiżika limitata ħafna fil-ħwienet. Iżda hawn ir-reżiljenza tan-negozji tagħna ġiet fuq quddiem għax kien matul dan il-perjodu li ħafna minnhom nedew il-pjattaformi diġitali tagħhom li minnhom setgħu jbigħu l-prodotti tagħhom. U jrid jingħad li l-Black Friday tas-sena l-oħra qabżet l-aspettattivi. Għalhekk nappella lin-negozji biex jagħmlu aktar użu mill-pjattaformi diġitali għal din is-sena u jifhmu aħjar l-opportunitajiet li joffri dan il-qasam, minn reklamar effettiv għal servizz tal-konsumatur effiċjenti u komdu”.

Il-Ministru Schembri tenna li l-Black Friday hija opportunità biex inkomplu bir-ritmu li bdejna fuqu fl-isfond tas-suċċess tal-iskema tal-€100 vawċer li l-użu tagħhom intemm fl-aħħar ta’ Ottubru, kif ukoll opportunità biex nappoġġaw l-ekonomija ta’ pajjiżna, li b’mod propizju qed turi sinjali ta’ rkupru ekonomiku qawwi bi tbassir ekonomiku ta’ 6.5.% għas-sena d-dieħla”, qal il-Ministru Schembri.

Paul Abela, il-President tal-Malta Chamber of SMEs, qal li l-Black Friday saret waħda mill-aktar ġranet importanti għan-negozju. Tat ħajja ix-xahar ta’ Novembru għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi. “Il-Kamra tal-SMEs tħeġġeġ lill-konsumaturi lokali biex jagħmlu l-aħjar użu mill-offerti tal-Black Friday u jixtru lokalment. Billi jixtru lokalment, il-konsumaturi jonfqu inqas fuq l-ispejjeż tal-kunsinna u l-perjodi ta’ żmien u jsibuha faċli ħafna li jiskambjaw il-prodotti. Fl-istess waqt jiġi evitat dewmien meta wieħed jixtri minn barra. Ejjew nappoġġaw lin-negozji lokali tagħna, għax huma jimpjegaw il-familja u l-ħbieb tagħna stess”, qal is-Sur Abela.

Il-Kap Eżekuttiv għall-Kamra Maltija tal-SMEs Abigail Agius Mamo qalet li l-Kamra Maltija tal-SMEs qed terġa’ ttella’ l-offerti tal-Black Friday mill-membri f’punt ta’ informazzjoni one-stop-shop. Li kontinwament tkun aġġornat ma’ dak kollu li jkun għaddej mhuwiex faċli u jeħtieġ li tippjana biex isir l-aħjar użu minnu.

B’hekk il-konsumaturi jkunu jafu liema negozji qed iġorru l-offerti tal-Black Friday, x’inhuma l-offerti u kif jistgħu jiksbu aċċess għalihom. Il-konsumaturi jiġu gwidati skont il-prodotti li jkunu qed ifittxu u liema lokalità jridu jżuru. Fid-dawl tal-Covid u biex tiżdied ukoll il-konvenjenza tal-klijenti, huma inklużi wkoll dettalji b’rabta mal-ħinijiet tal-ftuħ, offerti disponibbli online u servizz ta’ konsenja. L-offerti huma aġġornati fuq il-paġna ta’ facebook tal-Kamra ta’ Malta tal-SMEs fuq bażi regolari

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com