Aktar Minn €16,000 Miġbura Għal ALS Malta Waqt Serata F’Wieħed Mill-Aqwa Restoranti F’Malta
Aktar minn €16,500 ġew miġbura għal ALS Malta u DAR Bjorn bis-saħħa ta’ serata f’ION The Harbour li saret l-Erbgħa li għadda, 3 ta’ Novembru. Din is-serata kienet sponsorjata minn ‘Iniala Harbour House’ u ‘Charles Grech’ fejn mija fil-mija tal-biljetti marru kollha għal ALS Malta u l-proġetti ta’ DAR Bjorn 2 li mistenni li tinfetaħ aktar tard is-sena d-dieħla.
F’kummenti li ħadna, Iniala tennew li huma onorati li taw s-sapport tagħhom lil din il-kawża ġusta bis-saħħa ta’ din is-serata. Serata fejn kienet tinkludi 5-course meal minn restorant li rebaħ diversi unuri, ION The Harbour, restorant b’veduti mill-isbaħ tal-port il-kbir. Waqt din is-serata ġew irkantati pitturi minn ALS Malta Shop kif ukoll one-night stays ġewwa l-istess lukanda. Tul dan ix-xahar ser ikun hemm pitturi għall-bejgħ biex is-somma tkompli tiżdied, bil-flus kollha ser imorru għal ALS Malta
DAR Bjorn 2 ser tkun dar ‘state-of-the-art’ fejn tidħol kura għar-residenti b’ALS u mard newreloġiku ieħor. Bħalissa hemm mijiet ta’ residenti li qed jistennew sabiex jidħlu f’din id-dar. L-ewwel DAR Bjorn li ġiet inawgurata fl-2017 kienet ta’ suċċess kbir, minkejja ċ-ċokon tagħha 13-il resident sabu din id-dar bħala refuġju. Kien għalhekk li Bjorn telaq bl-idea biex jibda DAR Bjorn 2, din id-dar ser tkun qed tgħin madwar 30 pazjent ieħor.
“Dakinhar tas-serata kienet waħda mil-iljieli li mhux ser ninsa tal-2021. Ħadna gost niltaqgħu ma’ benefatturi li ġew apposta għall-ikla. Komplejna niġbru l-flus u għadna għaddejjin sal-lum! Din il-lukanda lussuża offriet li tkompli tgħina billi qed jesebixxu uħud mill-arti li għandna għall-bejgħ. Lukanda li m’għandiex biss veduta mill-isbaħ, trattament mill-aqwa u l-ifjen servizz …imma għandha qalb soċjali li lesta li tgħin lil kull min hu fil-bżonn. Grazzi Iniala” qal Bjorn Formosa.
Imwettqa mill-filantropu Mark Weingard, Iniala tagħmel ċert li tagħti lura lill-komunità. Din l-attività hija parti minn serje ta’ avvenimenti u inizjattivi li l-Iniala ser tkun qed toffri bħala parti mill-Corporate Social Responsibility bil-għan li organizzazzjonijiet volontarju jiġu mgħejuna.