Appell Għall-Booster Mill-Prim Ministru Robert Abela

 Appell Għall-Booster Mill-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru ssokta bl-appell tiegħu biex kull min jirċievi l-appuntament tal-booster jikkonkorri għalih biex hekk nibqgħu niġġieldu l-pandemija.

Il-Prim Ministru spjega kif f’dawn l-aħħar xhur rnexxilena ngħixu qrib in-normalità għax kellna suċċess fil-mod kif irnexxilna namministraw il-vaċċin. Spjega kif pajjiżi li waqgħu lura fir-rata ta’ vaċċinazzjoni hemm sitwazzjoni fejn l-uniku ħaġa li jistgħu jagħmlu l-gvernijiet hija li jżidu r-restrizzjonijiet. “Ir-rata ta’ 93% u iżjed fl-għoti tal-ewwel doża jew żewġ dożi tal-vaċċin fissret li kellna rata ta’ stabbli kemm ta’ nies li daħlu l-isptar u dawk il-persuni li jirċievu kura l-ITU baqa’ taħt kontroll,” qal il-Prim Ministru li fisser kif bis-saħħa tal-vaċċin kien hemm mijiet ta’ ħajjiet li kienu salvati. “Inkunu wasalna jekk in-nies jibqgħu jikkonkorru għal booster dose,” żied il-Prim Ministru li qal li jkun żball jekk min jirċivi l-appuntament ma jmurx. Filwaqt li mat-teħid tal-vaċċin iridu jibqgħu jkunu osservati r-restrizzjonijiet li hemm fis-seħħ.  “Jekk naħdmu b’dan l-element ta’ responsabbiltà nistgħu nibqgħu nippriservaw dak li għandna. Imbagħad tara wkoll id-deċiżjonijiet li bħala gvern noħduhom b’mod tempestiv. Kellna id-deċiżjoni importanti ħafna li malli feġġet il-biża’ ta’ varjant ġdid tkellimt mad-Deputat Prim Ministru u ħadna deċiżjoni mill-ewwel,” qal il-Prim Ministru b’referenza għat-twaqqif ta’ vjaġġar minn diversi pajjiżi fl-Afrika.

 

Riformi li juru d-differenza mill-Oppożizzjoni

 

Fl-intervista l-Prim Ministru kien mistoqsi dwar dwar ir-riforma fil-liġijiet tal-użu responsabbli tal-Kannabis u hawn spjega fid-dettall il-prinċipji ta’ din il-liġi filwaqt li rrimarka l-inkonsistenza tal-oppożizzjoni. Referenza wkoll lejn il-prijorita ambjentali li għandu l-gvern bi proġetti u inizjattivi ġodda.

“Qed nuru b’mod ċar li meta nitkellmu fuq tema ambjentali mhux qed nitkellmu biss imma l-kliem qed insostnuh bil-fatti u dik nemmen li hija d-differenza ewlenija li hemm bejn il-gvern u l-oppożizzjoni. L-oppożizzjoni meta kienet fil-gvern ħadet l-agħar deċiżjonijiet ambjentali, aħna gvern li filwaqt li nirrikonoxxu li kien hemm fejn stajna konn aħjar f’dan is-settur illum qed nagħtu prijorita massima,” kompla l-Prim Ministru li tkellem dwar il-bżonn ta’ spazji miftuħa u l-ftuħ tal-ewwel parti tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali. Il-Prim Ministru spjega wkoll l-inizjattivi biex tinċentiva n-nies jixtri u jirrestawraw postijiet fil-qalba tal-irħula. “L-approach jibqa’ wieħed konsistenti. Aħna dak il-gvern li jemme li n-nies trid tinċentivahom lejn l-għażliet li trid tieħu lill-pajjiż. Ta’ qabilna kienu jikkastigaw,” qal il-Prim Ministru.

Mistoqsi dwar għaliex in-nies għandhom jgħinu lill-Partit Laburista fil-maratona ġbir ta’ fondi tal-Ħadd li ġej, il-Prim Ministru tenna li l-Partit Laburista huwa l-partit li baqa jemmen fin-nies u jinvesti. “Nemmen li n-nies għandhom jibqgħu jgħinu lill-Partit Laburista biex inkunu nistgħu nibqgħu naħdmu f’din il-ħidma ta’ iktar investiment fin-nies. M’hemmx dubju li l-Partit Laburista huwa dak il-partit li dejjem ġab l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox,” sostna l-Prim Ministru li temm jemfasizza d-differenza bejn iż-żewġ partiti ewlenin f’pajjiżna. “Irridu naħdmu differenti biex in-nies ikunu ġustifikati fl-għażla tagħhom li jafdaw lilna,” qal il-Prim Ministru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com