Approvati Mat-58 Proġett Ta’ Start-Up Fi 22 Xahar

 Approvati Mat-58 Proġett Ta’ Start-Up Fi 22 Xahar

Fl-aħħar 22 xahar, Malta Enterprise approvat 58 proġett ta’ start-up f’pajjiżna. Dan ifisser aktar minn żewġ proġetti ta’ start-up kull xahar. Il-proġetti approvati mill-Malta Enterprise matul l-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena se joħolqu 430 impjieg ġdid ta’ kwalità, b’investiment magħqud ta’ €12-il miljun.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt l-inawgurazzjoni tal-ewwel Start-Up Festival, li qed isir fil-Kordin Business Incubation Centre (KBIC).

Il-festival, li qed jiġi organizzat mill-Malta Enterprise, se jsir fuq medda ta’ tlett ijiem bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 200 parteċipant, kemm dak barrani u Malti. L-għan tal-festival hu li jlaqqa’ flimkien start-up diġà stabbiliti, flimkien ma’ dawk li qed iħarsu li jiftħu start-up kif ukoll diversi entitajiet governattivi.

“Huwa ta’ sodisfazzjon li nara start-ups jagħmlu suċċess f’pajjiżna filwaqt li nkomplu nattiraw kumpaniji innovattivi lejn il-gżejjer tagħna. Bħalissa Malta diġà qed tilqa’ numru sabiħ ta’ kumpaniji f’diversi setturi bħal dawk tal-manifattura, l-intelliġenza artifiċjali, farmaċewtika u life sciences, teknoloġija, logħob diġitali, avjazzjoni, drones u aktar,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli ħabbret li Draw and Code, studio prominenti bbażat f’Liverpool, se jiftaħ R&D u studio fejn jipproduċu l-prodotti tagħhom f’Malta.

“Dan huwa t-tip ta’ xogħol li Malta Enterprise qed tara li tattira lejn pajjiżna flimkien ma’ entitajiet governattivi,” qalet il-ministru.

L-għajnuna mogħtija lill-istart-ups qed tingħata b’diversi modi, grants ta’ ’l fuq minn €200,000 jew ’il fuq minn €800,000 fi ħlas avvanzat lil kumpaniji innovattivi; soft loans li ġew varati riċentament li jassistu sa 75% tal-ispejjeż fuq proġetti sa ’il fuq minn €1 miljun, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, grazzi għal funzjoni miżjuda f’dawn l-aħħar jiem fuq is-sit startinmalta.com, l-istart-ups issa se jkunu jistgħu jniżżlu l-kumpanija tagħhom fuq din il-website filwaqt li jipprovdu dettalji relatati ma’ ġbir ta’ fondi.

“Startinmalta.com għandha potenzjal li ssir spazju fejn investituri ġodda u dawk stabbiliti jistgħu jaraw l-opportunitajiet li pajjiżna qed joffri lill-istart-ups f’Malta,” żiedet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com