Argument F’San Ġiljan Fil-Lejl Li Għadda
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax neqsin kwart ta’ filgħaxija, żewġ persuni daħlu l-Għassa ta’ San Ġiljan u rrapportaw li waqt li kienu fi Triq Dobbie, kienu involuti f’argument.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li l-argument seħħ bejn tliet ġuvintur Maltin ta’ 16-il sena residenti l-Fgura, Birżebbuġa u s-Swieqi, u Libjan ta’ 20 sena residenti Tas-Sliema.
Il-ġuvni residenti l-Fgura ttieħed fl-eqreb ċentru tas-saħħa u ġie ċċertifikat li għandu ġrieħi ta’ natura ħafifa filwaqt li dak li joqgħod Birżebbuġa ttieħed l-Isptar Mater Dei u ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Iż-żewġ ġuvintur l-oħra ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija ta’ San Ġiljan għadhom għaddejjin.